TOI TOI Twassal Talent Żagħżugħ Fil-Manoel F’Żewġ Spettakli Ġodda

 TOI TOI Twassal Talent Żagħżugħ Fil-Manoel F’Żewġ Spettakli Ġodda

Dan is-sajf it-Teatru Manoel se jservi ta’ vetrina għall-aqwa talent artistiku żagħżugħ f’pajjiżna, f’Youth Talent Gala u musical ġdid

L-ifjen artisti żgħażagħ Maltin dalwaqt se jiddominaw il-palk tat-teatru nazzjonali f’żewġ produzzjonijiet sensazzjonali ġodda.

Għal serata waħda biss nhar il-Ħadd 19 ta’ Ġunju, Teatru Manoel Youth Talent Gala se tippreżenta strumentalisti, kantanti u żeffiena żgħażagħ f’lejla eċċitanti b’repertorju li jvarja minn xogħlijiet tradizzjonali tal-eżamijiet sa jazz, pop u musicals kontemporanji.

Din il-Gala qed tittella’ wara sejħa miftuħa li saret fl-2019 bl-għan li ssib żgħażagħ b’uħud mill-aqwa kapaċitajiet tekniċi fid-dixxiplini tagħhom u li juru ħiliet performattivi eċċezzjonali minn madwar il-gżejjer Maltin. Il-kast tal-Gala, li ntgħażlu fost aktar minn mitt applikant, se jagħtu wirjiet flimkien ma’ artisti mistiedna minn skejjel lokali tal-arti performattiva u gruppi taż-żgħażagħ, fosthom Teatru Manoel Youth Opera & Dance.

Mit-30 ta’ Ġunju sat-3 ta’ Lulju, mill-ġdid, artisti żgħażagħ se jpaxxu lill-udjenzi f’jukebox musical miktub u mtella’ minn TOI TOI Collective, bid-direzzjoni ta’ Petra Sant u bis-sehem tal-kantant li rebaħ diversi premjijiet Sean Borg u l-artista mistiedna u sopran tat-teatru mużikali Rachel Fabri. Meet Cute hija kummiedja romantika mhix konvenzjonali li tesplora – bl-għajnuna ta’ kanzunetti mid-dinja tat-teatru mużikali – l-idea ta’ xena ‘meet cute’, fejn żewġ maħbubin futuri jiltaqgħu għall-ewwel darba f’ċirkostanzi mhux tas-soltu, umoristiċi, jew gustużi.

“L-appoġġ għat-talent żagħżugħ huwa parti ċentrali mix-xogħol li TOI TOI jagħmel fit-teatru nazzjonali. Li nixħtu l-attenzjoni fuq artisti żgħażagħ li qed jitħarrġu u nagħtuhom iċ-ċans li jesperjenzaw l-elettriku ta’ spettaklu live f’ambjent daqstant prestiġjuż huwa rigal imprezzabbli,” qalet Kate Fenech Field, il-Manager tal-Learning and Participation Programme tat-Teatru Manoel. “Li tara lil uħud mill-iżgħar artisti tagħna jesponu t-talenti tagħhom f’livell daqstant għoli huwa tabilħaqq xhieda tal-familji u l-għalliema li jissapportjaw il-ħiliet tagħhom. Il-firxa wiesgħa ta’ għażliet mużikali u stili tekniċi jagħmluha diffiċli biex tagħżel xi ħaġa li tispikka – iżda fuq ħaġa waħda nistgħu nkunu ċerti, fis-sala mhux se jkun hemm għajn waħda li ma ddemmax!”

Il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel Massimo Zammit ikkonkluda billi wkoll saħaq fuq l-importanza kritika li nappoġġjaw lill-artisti żgħażagħ lokali. “It-talent żagħżugħ hu l-qalb tħabbat tal-komunità artistika tal-lum – u se jkun qed isuq il-futur tagħha. Permezz ta’ TOI TOI, it-Teatru Manoel irawwem u jappoġġja lill-artisti żgħażagħ, billi jagħtihom opportunità tad-deheb biex iħallu t-talent tagħhom jibbrilla fit-teatru nazzjonali.”

Teatru Manoel Youth Talent Gala se tittella’ fid-19 ta’ Ġunju fis-7pm fit-Teatru Manoel. Il-wirjiet ta’ Meet Cute se jkunu fit-30 ta’ Ġunju fis-7pm, fl-1 ta’ Lulju fis-7pm, fit-2 ta’ Lulju fit-8pm u fit-3 ta’ Lulju fis-7pm, fl-Istudio Theatre tat-Teatru Manoel. Skont il-linji gwida kurrenti b’rabta mas-saħħa pubblika, maskri u ċertifikati tat-tilqim mhumiex meħtieġa għall-ebda wieħed mill-avvenimenti.

Il-biljetti jistgħu jinkisbu billi tibgħat email lil [email protected], billi ċċempel fuq (+356) 21246389 jew inkella online minn www.teatrumanoel.mt

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com