100 Jum Ta’ Wegħdiet Miżmuma U Deċiżjonijiet Meħuda
“Imwiegħda u mwettqa. Dawn huma l-kliem li jikkaratterizzaw il-proposti importanti li l-Prim Ministru Robert Abela wiegħed li jitwettqu fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni mid-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Daniel Micallef u d-Deputat Cressida Galea waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Daniel Micallef spjega kif dan hu Gvern riformista li fuq quddiem nett hu ffukat li jtejjeb ħajjet in-nies b’riformi li qed iħallu l-frott.
“Aħna qegħdin hawn biex noħolqu soċjeta’ aktar ġusta. Riforma ewlenija hija l-emendi fil-liġi tal-IVF. Għandna għażla quddiemna. Għażla jekk irridux ngħinu lil dawn il-familji jew inħalluhom ibatu. Jekk irridux proċess li jwassal għal ħajjiet li jgħixu u mhux imutu fil-ġuf jew ftit wara t-twelid. Riformi oħrajn kienu l-proċess biex medda ta’ art fiż-Żonqor tibqa’ mhux mittiefsa u art fil-Kottonera tingħata lura lin-nies kif ukoll liġi li ddaħħal il-kunċett tal-femiċidju. Quddiem dan kollu, bqajna naraw Prim Ministru u tmexxija ffukata fuq il-ħtieġa li Malta trid tibqa’ miexja ‘l quddiem, bin-nies prijorita; fiċ-ċentru tar-riformi mwiegħda u li issa anke bdew jiġu mwettqa.”
Id-Deputat Cressida Galea spjegat kif quddiem realtajiet u sfidi internazzjonali, il-Gvern mhux talli ma dawwarx wiċċu għalihom iżda ndirizzahom u ttieħdu numru ta’ passi dwarhom.
“Ir-rata ta’ tkabbir fl-ewwel kwart tas-sena hija ferm aktar minn dik imbassra minn aġenziji internazzjonali. Filfatt hija kważi d-doppju tat-tkabbir għal pajjiżna mbassar mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn huma riżultati frott bidliet importanti. Fosthom it-tneħħija ta’ Malta mil-lista l-griża. Proċess li minn sfida l-Gvern dawwru fi prova oħra ta’ kemm pajjiżna huwa ġurisdizzjoni serja. Amministrazzjoni li qed tkompli timmodernizza l-pajjiż, mhux anqas fil-qasam tal-governanza tajba kif ukoll fil-ħidma tal-istituzzjonijiet. Fl-istess ħin komplejna niksbu aktar riżultati. Riżultati li ksibnihom għaliex fl-ebda ħin qatt ma qtajna l-fiduċja f’pajjiżna.”
“Il-mandat ġdid u b’saħħtu li ngħata mill-elettorat f’Marzu li għadda se jkompli jimlina b’kuraġġ biex b’aktar ħeġġa u determinazzjoni, inkomplu mmexxu lil pajjiżna ‘l quddiem, minn sfidi noħolqu opportunitajiet u minn elf proposta nagħmluhom elf kisba.”, temmet tgħid l-istqarrija mill-Partit Laburista.