105 Tobba Ġodda Jingħaqdu Mas-Servizz Tas-Saħħa

 105 Tobba Ġodda Jingħaqdu Mas-Servizz Tas-Saħħa

Mija u ħames tobba bdew l-impjieg tagħhom mas-settur tas-saħħa pubblika wara li temmew b’ suċċess l-istudji tagħhom fil-mediċina. Dawn it-tobba gradwaw mill-Università ta’ Malta u kif ukoll minn universitajiet oħra madwar l-Ewropa.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ltaqa’ m’uħud minn dawn it-tobba fl-Isptar Mater Dei, li huwa wieħed mill-isptarjiet fejn se jaħdmu dawn it-tobba fis-sentejn li ġejjin sabiex jiksbu l-esperjenza neċessarja għall-pass li jmiss fil-karriera tagħhom. Minbarra fl-Isptar Mater Dei dawn it-tobba se jagħtu s-servizz tagħhom ukoll fl-Isptar Karen Grech, l-Isptar San Vinċenz u l-Isptar Monte Karmeli.

Iżjed tobba ġodda mistennija jingħaqdu ma’ dan il-grupp fix-xhur li ġejjin, biex b’hekk għal din is-sena jkunu ingħaqdu 136 tabib ġdid.

Id-Deputat Prim Ministru feraħ lil dawn it-tobba tal-isforzi akkademiċi tagħhom u awguralhom vjaġġ ta’ taħriġ b’saħħtu issa li ngħaqdu fis-sistema tas-saħħa. Id-Deputat Prim Ministru Fearne fakkarhom li l-professjonisti tas-saħħa huma s-sinsla tas-servizz eċċellenti li jingħata f’ pajjiżna u ħeġġiġhom sabiex jistinkaw u jżommu l-ogħla livelli ta’ kwalità ta’ servizz lill-pazjenti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com