21 Kunsill Lokali Jgawdu Mill-Iskema Għall-Attivitajiet Kulturali Annwali 2022
21 kunsill lokali gawdew minn finanzjament mill-iskema għall-Attivitajiet Kulturali Annwali 2022. Bejniethom dawn ingħataw mal-kwart ta’ miljun ewro f’fondi mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali. Fil-kumitat tal-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet kien hemm ukoll rappreżentanti tal-Awtorità għat-Turiżmu. L-għan ewlieni ta’ din l-iskema huwa li jgħin lill-kunsilli lokali biex itellgħu attivitajiet kulturali madwar Malta u Għawdex.
L-għanijiet wara dawn l-attivitajiet kulturali jinkludu li tiżdied il-promozzjoni tal-kultura u l-wirt kulturali uniku tal-lokalitajiet, jiżdied l-element turistiku lokali, tissaħħaħ l-innovazzjoni u l-kreattività u tiġi sostnuta l-kwalità u s-sostenibbilità tal-attivitajiet kulturali lokali. Dan apparti li jissaħħaħ ukoll l-impatt soċjo-ekonomiku fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin għal ġid tar-residenti.
“Attivitajiet edukattivi, soċjali jew kulturali fuq livell lokali, joħolqu sens ta’ komunità u jagħtu ħajja lil-lokalitajiet tagħna, speċjalment wara nuqqas ta’ sentejn minn attivitajiet kulturali u soċjali minħabba l-pandemija”, saħqet is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli waqt konferenza tal-aħbarijiet. Hija ħeġġet ukoll biex aktar kunsilli lokali japplikaw għal skemi bħal dawn, sabiex jippromovu l-wirt kulturali tal-lokalitajiet tagħhom u kif ukoll iżidu t-turiżmu lokali ġewwa l-lokalitajiet rispettivi tagħhom.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, Natalino Attard, qal kif din l-iskema ta’ finanzjament għall-attivitajiet kulturali hi waħda minn stejjer ta’ suċċess għaliex l-attivitajiet kulturali organizzati mill-Kunsilli Lokali qed jgħinu sabiex iżommu t-tradizzjonijiet kulturali ħajjin li maż-żminijiet setgħu intesew.
Il-Kunsilli Lokali li ssottomettew l-applikazzjoni u kisbu l-fondi huma: San Ġwann, Santa Venera, ix-Xgħajra, il-Ħamrun, Birkirkara, Ħal Għargħur, l-Iklin, San Ġiljan, tas-Sliema, is-Swieqi, Ta’ Xbiex, il-Birgu, l-Isla, Bormla, il-Fgura, Ħal Kirkop, Għajnsielem, l-Għarb, il-Munxar, in-Nadur u l-Qala.
Waqt din il-konferenza kien hemm preżenti s-sindki rispettivi tal-wieħed u għoxrin kunsill lokali kif ukoll rappreżentanti tad-Direttorat għall-Gvern Lokali.