Agius Saliba B’ Konferenza Fil-Parlament Ewropew Dwar L-Awtiżmu
Ilbieraħ, l-Ewro Parlamentari Alex Agius Saliba ospita konferenza dwar spazji addattati għal persuni fl-ispettru tal-awtiżmu fil-preżenza tal-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli u numru ta’ stakeholders oħra Maltin fil-Parlament Ewropew.
Il-konferenza ġiet organizzata minn Autism Europe bħala avveniment finali tal-proġett tal-programm Erasmus+ imsemmi “Autism Friendly Spaces: Adapting existing services and places to cater for autistic people” li beda lura fl-2019.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli kienet il-kelliema prinċipali waqt din l-attività Ewropea. Waqt l-intervent tagħha, Farrugia Portelli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li Malta, qed tpoġġi l-Istrateġija Nazzjonali tal-Awtiżmu 2021-2030 mill-kliem għall-fatti. Hija saħqet li xhieda ta’ dan huma l-11-il stabbiliment li huma ambaxxaturi tal-kunċett tal-ispazji addattati għal persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu.
Farrugia Portelli saħqet li l-proġett ‘Autism Friendly Spaces’ se jkun qed iħalli wirt tanġibbli u li jġib il-bidla. Żiedet tgħid li dan il-proġett qiegħed ineħħi l-barrieri u jisfida l-istigma. “Dan huwa l-impenn tal-Gvern Malti lejn il-bini ta’ soċjetà aktar inklużiva”, qalet il-Ministru għall-Inkjlużjoni. Hija stiednet lil pajjiżi oħra Ewropej biex isegwu l-eżempju ta’ Malta u jieħdu dan il-proġett fuq livell nazzjonali.
L-Ewro Parlamentari Alex Agius Saliba qal li huwa importanti li jisħaq li persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu għandhom firxa ta’ bżonnijiet ta’ aċċessibbiltà fejn jidħlu komunikazzjoni (soċjali) u sensittivitajiet sensorji. Għalhekk huwa essenzjali li jinħolqu spazji għal persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu fl-istati membri tagħna. “Jiena partikolarment kuntent u kburi li skema tant meħtieġa għal dawn il-persuni qed issir f’pajjiżna minn Prisms u s-CRPD b’kollaborazzjoni ma’ msieħba oħra”, sostna Agius Saliba.
Aurélie Baranger, id-Direttur tal-Autism Europe faħħret lil Malta għall-proġett tagħha ta’ ‘Autism Friendly Spaces’. Hija faħħret l-approċċ proattiv u uniku tal-pajjiż u saħqet li l-proġett għandu jkun in-norma f’pajjiżi Ewropej oħra biex jaqsmu l-aħjar prattiċi bejn l-Istati Membri tagħna. Is-Sinjura Baranger faħħret ukoll l-Istrateġija Nazzjonali għall-Awtiżmu ta’ Malta 2021-2030.
Prisms flimkien ma’ sħab lokali u Ewropej implimentaw il-proġett ‘Autism Friendly Spaces’permezz ta’ fondi Erasmus+. B’dan il-proġett stabbilimenti differenti kisbu tikketta ta’ kwalità talli wrew impenn favur persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu kemm f’Malta kif ukoll f’pajjiżi oħra. L-informazzjoni kollha tista’ tiġi aċċessata fuq il-websajt www.autismfriendlyspaces.eu u l-Mobile App.