Aktar Minn 500 Parkeġġ Ġdid Bħala Parti Mill-Proġett Tal-Park Nazzjonali F’ Ta’ Qali
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi żar ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa sabiex isir parkeġġ taħt l-art, bħala parti mill-proġett tal-Park Nazzjonali ġewwa Ta’ Qali.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li dan il-parkeġġ, li se jesa’ ’l fuq minn 500 vettura, se joffri faċilità oħra lill-pubbliku li jżur il-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali. Dan il-parkeġġ se jkun qed jikkonsisti f’żewġ sulari ta’ postijiet ta’ parkeġġ taħt l-art, filwaqt li s-saqaf tal-parkeġġ se jiġi mgħammar b’faċilitajiet għall-isports tar-roti.
Il-Perit Oliver Debono, responsabbli mid-disinn ta’ dan il-proġett, ta aktar dettall fuq ix-xogħlijiet li qed isiru. Huwa spjega kif dan il-proġett se jkun jinkludi s-servizzi kollha meħtieġa, bħal sistema ta’ smart parking, sistemi ta’ ventilazzjoni, CCTV cameras, fost oħrajn.
Il-proġett ta’ €12-il miljun huwa mistenni jitlesta sa tmiem l-2023 u qed jitmexxa mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.