Dizz Group Takkwista L-Konċessjoni Ta’ KIKO Milano U L-Ħwienet F’Malta
Bħala parti mir-ristrutturar kontinwu tad-DIZZ Group, sussidjarja tagħha, Dizz Retail Limited, għadha kemm akkwistat Dizz Franchises Limited, kumpanija li kienet separata mill-Group. Dan tħabbar nhar il-Erbgħa fi stqarrija lill-Borża ta’ Malta. Dizz Franchises għandha l-konċessjoni u topera il-marka popolari KIKO Milano, li bħal issa topera ħames ħwienet f’Malta.
Imwaqqfa fl-1997 mill-Percassi Group, KIKO Milano hi marka Taljana li toffri linja ta’ makeup professjonali u trattamenti mill-aktar avvanzati għall-wiċċ u l-ġisem. KIKO Milano għandhom network ta’ iktar minn elf ħanut b’isimhom li jinsabu wkoll fl-Italja, il-Ġermanja, Franza, il-Portugall, Spanja, l-Ingilterra, l-Awstrija, l-Iżvizzera, l-Olanda, il-Belġju, il-Polonja, l-Amerika, Hong Kong, it-Turkija, l-Iżvezja, ir-Russja, il-Brażil, l-Indja, l-UAE, il-Qatar, il-Libanu, il-Kuwajt u online fis-sit e-commerce www.kikocosmetics.com.
Kull ħanut joffri l-klijenti għażla wiesa ta’ prodotti innovattivi, u għandhom staff li huma mħarrġa speċifikament fuq xejriet fl-industrija biex joffru servizz imfassal apposta għal kull klijent. B’hekk din il-marka hija popolari immens fost klijenti ta’ kull età.
Kelliem għad-DIZZ Group qal: “Permezz tal-akkwist ta’ Dizz Franchises Limited, is-set-up tad-DIZZ Group huwa iktar armonizzat u b’hekk, l-operazzjonijiet l-oħra jistgħu jifformaw parti minn entità iktar unita.”
Il-ħanut ta’ KIKO Milano f’Bay Street, wieħed minn ħamsa f’Malta