€700,000 Lejn Richmond’s Kids In Development – L-NDSF Tikkofinanzja L-Proġett

 €700,000 Lejn Richmond’s Kids In Development – L-NDSF Tikkofinanzja L-Proġett

L-NDSF u l-Fondazzjoni Richmond iffirmaw ftehim ta’ għotja soċjali għal proġett li se jipprovdi terapija u kura speċjalizzata għal tfal bi sfidi severi ta’ mġieba.

Kids in Development (K.I.Ds) huwa programm terapewtiku residenzjali għal tfal ta’ bejn is-seba’ u ttlettax-il sena li ġew affettwati serjament minn trawma, u kwalunkwe tip ta’ abbuż jew negliġenza severa. Dawn l-esperjenzi normalment jirriżultaw f’imġieba diffiċli li taffettwa lit-tfal fl-oqsma kollha tal-ħajja tagħhom, speċjalment fl-iżvilupp ta’ relazzjonijiet sinifikanti ma’ nies oħra.

Immexxi minn Richmond Foundation, il-Programm K.I.Ds jipprovdi lil dawn it-tfal b’esperjenzi pożittivi li minnhom jistgħu jibnu l-kunfidenza u r-reżiljenza, inkluż tagħlim dwar kif tiżviluppa relazzjonijiet sinnifikanti. Il-programm iservi ta’ pont, biex it-tfal ikunu jistgħu jgħaddu għal sitwazzjoni aktar permanenti f’ħajjithom. Studji reċenti jindikaw li persuna minn kull erba’ fl-età tax-xogħol se tesperjenza sfidi ta’ saħħa mentali f’ħajjitha. Nofs il-kundizzjonijiet kollha tas-saħħa mentali jibdew qabel l-età ta’ 14-il sena*.

K.I.Ds fetaħ il-bibien tiegħu għall-ewwel darba fl-2007, permezz ta’ sħubija bejn is-settur pubbliku u dak privat, ċioe bejn il-Ministeru tal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, il-Kurja u lFondazzjoni Richmond. Għal tnax-il sena, K.I.Ds opera minn sezzjoni fi ħdan il-kunvent ta’ Ġesù Nazzarenu fiż-Żejtun. Fl-2019, K.I.Ds kellu joħroġ mill-post fiż-Żejtun, u l-Kurja offriet post alternattiv, fi ħdan il-kumpless Fra Diegu. Din il-binja għandha bżonn xogħol u manutenzjoni, biex tkun tista’ ssir operattiva u tilqa’ għall-ħtiġijiet kollha ta’ K.I.Ds. Il-finanzjament tal-NDSF se jiżgura li l-proġett filkumpless ta’ Fra Diegu jinbidel fi spazju apposta għat-tfal, biex ikunu jistgħu joqgħodu kompletament hemmhekk.

In-nefqa kapitali totali għall-bini l-ġdid, li għandu jkopri spazju totali ta’ 535 sqm, hija mbassra li tkun ta’ madwar €1,170,000. Din se tkun iffinanzjata prinċipalment permezz tal-għotja soċjali tal-NDSF ta’ €700,000. Il-faċilità, li kienet iddisinjata bir-reqqa biex takkomoda t-tmexxija tal-programm, se tinkludi żona amministrattiva u terapewtika, żona fuq barra għal attività rikreattiva, kmamar tas-sodda spazjużi għat-tfal, kċina u living area. Il-bini kollu ta’ ġewwa se jkun mgħammar bl-arja kundizzjonata.

Waqt l-iffirmar, is-CEO tal-NDSF, Raymond Ellul stqarr li l-għotja soċjali se tiżgura li tfal u adolexxenti vulnerabbli, flimkien mal-familji tagħhom, isibu l-għajnuna u l-appoġġ professjonali, bit-tama li eventwalment ikunu kapaċi jintegraw bis-sħiħ fis-soċjetà. Il-proġett, bħall-proġetti soċjali l-oħra kollha ffinanzjati mill-NDSF, se jsaħħaħ il-benessri soċjali għall-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri. Is-Sur Ellul spjega li l-NDSF twaqqfet bħala aġenzija tal-gvern fl-2015 bil-għan li tamministra 70% talkontribuzzjonijiet riċevuti mill-Programm ta’ Investiment Individwali ta’ Malta.

F’isem Richmond Foundation, iċ-Chairperson Anthony Guillaumier, sostna li hekk kif aktar żgħażagħ qed jesperjenzaw sfidi kumplessi li ġġib magħhom il-ħajja, huwa essenzjali li l-pajjiż joffri firxa ta’ servizzi f’ambjenti mfassla apposta biex jipprovdu l-kura. Din l-għotja se tipprovdi ambjent iddedikat lil uħud mit-tfal l-aktar vulnerabbli, biex ikollhom post li jistgħu isejħulu d-dar tagħhom, fejn jistgħu jiżviluppaw b’sens ta’ sigurtà u ta’ mħabba.

Ritratti Mehmuża minn isfel għal fuq:

NDSF PR 1 – (Mix-xellug għal-Lemin) Is-Sur Anthony Guillaumier, Chairperson (Fondazzjoni
Richmond) u s-Sur Raymond Ellul, CEO (NDSF)
NDSF PR 2 – Il-faċċata ta’ Fra Diegu fil-Ħamrun
NDSF PR 3 (ritratt prinċipali mal-item) – L-interjuri ta’ Fra Diegu fl-istat attwali tiegħu
NDSF 4 – L-interjuri ta’ Fra Diegu fl-istat attwali tiegħu

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com