Esplora Jwassal Ix-Xjenza Fil-Komunità B’Esperimenta Tikka Xjenza

 Esplora Jwassal Ix-Xjenza Fil-Komunità B’Esperimenta Tikka Xjenza

Nhar is-Sibt 23 ta’ Lulju, il-Couvre Porte tal-Birgu kien imżewwaq bil-kuluri tal-Esplora hekk kif ġie mtella’ l-festival tax-xjenza – Esperimenta Tikka Xjenza. Permezz ta’ dan il-festival Esplora kompla wera kif ix-xjenza tista’ tkun divertenti u aċċessibbli għal kulħadd.

Dan l-avveniment, li ġie organizzat taħt l-awspiċju tal-iSTEM Engagement Working Group ippresedut minn Esplora, bis-sapport tal-Kunsill Lokali tal-Birgu, kompla jibni fuq il-viżjoni ewlenija taċ-ċentru interattiv li hi dik li tiġi kkultivata kultura ta’ kurżità u kreattività xjentifika permezz tal-missjoni ta’ Esplora li joħloq passjoni għall-interrogazzjoni, investigazzjoni u skopertà.

L-avveniment kien mingħajr ħlas u mmirat għal kull età, fejn l-għan ewlieni tiegħu kien li juri li x-xjenza qiegħda madwarna u li niltaqgħu magħha fil-ħajja ta’ kuljum. Esperimenta Tikka Xjenza serva wkoll biex jkabbar l-għarfien fuq is-suġġetti STEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika) u kompla ħeġġeġ lill-ġenerazzjoni żagħżugħa biex jagħżlu s-suġġetti STEM fl-iskola, kif ukoll jispiraw għal karriera f’dawn l-oqsma.

It-tema ta’ din il-lejla spettakolari kienet is-Sostenibbiltà Ambjentali għall-Benesseri. Din it-tema serviet biex turi kemm huwa importanti li nieħdu ħsieb l-ambjent għax ambjent san għandu effett pożittiv fuq il-benesseri tagħna.

Esperimenta Tikka Xjenza ttella’ mis-sitta ta’ filgħaxija u kompla għaddej sal-għaxra u nofs ta’ filgħaxija, fejn il-bini storiku tal-Couvre Port ġie mibdul f’atmosfera divertenti b’xows tax-xjenza, logħob permezz ta’ kollezzjoni vasta ta’ logħob tal-injam minn Barċellona, sessjoni ta’ tinkering, film animat spettakolari, wirjiet taż-żfin u tat-teatru, esperti f’diversi oqsma, kif ukoll stejjer maġiċi u ħafna, ħafna iktar! Dan il-festival huwa l-ewwel minn sensiela ta’ festivals li huma ppjanati li jittellgħu fit-Tlett Ibliet tal-Kottonera u l-Kalkara.

Bħala parti mill-avvenimenti organizzati fil- komunità, saret ukoll attività f’Ħaż-Żebbuġ nhar il-Ħadd 24 ta’ Lulju, fejn Misraħ l-Isptar ospita numru ta’ attivitajiet fosthom wirja edukattiva tal-injam riċiklat.

Dawn it-tip ta’ avvenimenti, organizzati fil-komunità, huma importanti ħafna għax mhux talli jgħinu lin-nies jinvolvu ruħhom f’diversi oqsma xjentifiċi u jħeġġuwhom jistaqsu kollox, iżda fl-istess waqt iservu ta’ mod kif ix-xjentisti lokali u entitajiet fl-oqsma STEM jinteraġixxu u jibnu relazzjoni maċ-ċittadini.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com