Forum Nazzjonali Tan-Negozji Żgħar 2022 Fil-Parlament Ta’ Malta
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia mexxa l-Forum Nazzjonali tan-Negozji Żgħar 2022 fil-Parlament ta’ Malta. Din il-laqgħa saret b’kollaborazzjoni mal-Malta Employers Association (MEA), liema laqgħa hi waħda minn sensiela tal-laqgħat li l-Malta Employers Association qed tagħmel bi tħejjija għall-konferenza nazzjonali dwar l-impjiegi f’Malta; “Nisguraw ħiliet u snajja meħtieġa għall-kompettività ta’ pajjiżna fil-ġejjieni”.
F’diskors tal-okkażjoni, l-Ispeaker tkellem dwar l-importanza li lkoll kemm aħna għandna naħdmu biex jissaħħaħ l-iżvilupp sostenibbli tal-gżejjer Maltin. Hu saħaq li minkejja d-diffikultajiet, fost dawn l-instabilità fl-Ewropa, kunflitti reġjonali fil-qrib u l-bogħod, l-effetti tal-pandemija Covid-19 u oħrajn, fl-ippjanar u t-treġija ekonomika ta’ pajjiżna, il-politiku jeħtieġ li jieħu l-aħjar deċiżjonijiet li, waqt li ma jxekkilx l-iżvilupp ekonomiku, fl-istess waqt jippromwovi aktar żvilupp uman u titjib ambjentali.
Fid-diskors tiegħu, hu qal li jqis l-intrapriżi żgħar bħala l-mutur ta’ kull ekonomija. L-Ispeaker kompla billi qal li kull investiment li jsir fl-intrapriżi se jitħaddem mill-ħaddiema biex ikun ġenerat dħul finanzjarju bl-użu tal-ħiliet u s-snajja tal-ħaddiema. Hu qal li teġija tajba tal-intrapriża għandha tagħraf l-importanza ta’ kollaborazzjoni bejn is-sidien u l-ħaddiema, liema kollaborazzjoni hi l-bażi ta’ kull suċċess kummerċjali, filwaqt li fakkar li dawk kollha li nvestew f’pajjiżna, kemm Maltin u barranin, kollha jfaħħru l-bżulija, il-flessibilità, il-lealtà u s-snajja tal-ħaddiema Maltin, u għaldaqstant dan għandu jawgura tajjeb għall-iżvilupp ekonomiku f’pajjiżna fil-ġejjieni.
L-Ispeaker saħaq fuq l-importanza ta’ djalogu bejn l-intrapriżi u istituzzjonijiet tal-edukazzjoni. Hu tenna li pajjiżna għandu jsaħħaħ l-istituzzjonijiet edukattivi biex dawk iż-żgħażagħ li ma kisbux iċ-ċertifikati neċessarji biex jkomplu l-istudji tagħhom f’livell terzjarju jibqgħu jippersistu fl-istudju biex jiksbu l-ħiliet u snajja meħtieġa mill-intrapriżi u setturi oħra tal-ekonomija.
F’din il-laqgħa ħadu sehem ukoll il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana u l-MPs Ivan Castillo, Robert Cutajar, Cressida Galea, Alex Muscat u Justin Schembri.
Ritratti: SPK