Għaxaq Music Festival, 2022! Tlaqna!

 Għaxaq Music Festival, 2022! Tlaqna!

Ħal Għaxaq, Lulju 2022- Sentejn stennieja waslu għal sekwenza artistika liema bħala! L-edizzjoni ta’ dan is-sajf tal-Għaxaq Music Festival verament ħarġet bil-kbir! Dan il-festival mifrux fuq jumejn hu d-duwa għas-snin ta’ restrizzjonijiet, ċaħda u ħajja riġida. Stedina għall-abbundanza mużikali ta’ kwalità għolja f’avveniment maħdum apposta għall-iljieli ta’ żfin bla rażan ma’ dawk li inħobbu.

Il-Ġimgħa, 22 ta’ Lulju, tiftaħ din iċ-ċelebrazzjoni! It-talent lokali jieħu postu fiċ-ċentru tal-palk bil-ġmiel liriku tal-ilsien Malti jgħola ‘l fuq. Kantera, il-grupp rebbieħ ta’ Mużika Mużika bin-nostalġija msaħħra ta’ “Tkun ‘l Hawn Għaddi”. Kantera bil-ħoss folk f’dan il-festival tant kburi bl-għeruq tal-bidu tiegħu fil-qalbha tar-raħal.

Ir-riċetta għal din is-serata hi waħda qawwija b’The Travellers bħala l-artisti prinċipali b’repertorju romantiku tagħhom bħal nixxiegħa ħierġa mill-qalb bla mistħija ta’ xejn. Il-mużika tagħhom ittajjar lil dak li jkun ‘il fuq fis-smewwiet kollha stillel bħal l-ewwel rgħexxa t’imħabba. The Travellers jinsabu ikkargati għal din l-ewwel dehra tagħhom dan l-istaġun f’kunċert tal-massa. Huma lesti jonsbu l-qlub b’sensiela ta’ suċċessi minn tagħhom flimkien mal-materjal il-ġdid kollu frisk frisk mill-istudjows. Jisfidawk: lest terġà tħobb?

Il-Gran Final. Is-Sibt, 23 ta’ Lulju. U l-istillel jduru f’formazzjoni favorevoli għal ċelebrazzjoni ta’ dak kollu sabiħ fil-ħajja. Il-pjaneti jinsabu f’konfoffa fejn kullħadd jinħall f’dirgħajn il-mużika msaħħra ta’ ManaTapu. Ħoss multikulturali li hu enerġija pura. ManaTapu ġejjin b’ritmi ta’ xeħta sopranaturali fejn bħal xejn il-ġisem jiċċaqlaq mar-ritmu tal-mument.

Ir-ritwal maġiku jilħaq il-milja tiegħu bl-ikoni internazzjonali hekk kif il-grupp leġġendarju UB40 jieħu pussess tal-palk b’repertorju sħiħ ta’ ġemmi mużikali. Għal din iż-żjara fostna

UB40 ser immexxu lill-folla b’ritmi raggae u rock f’esperjenza sublimi b’band armata sa snienha. Il-vuċi ħelwa għasel ta’ Ali Campbell ser tħalli marka fil-qlub ta’ kullħadd bl-eċċitament ta’ ferħ u imħabba fraterna, fejn il-lingwaġġ universali tal-mużika jerġà jiddomina għal darb’oħra fl-Għaxaq Music Festival.

Din hi l-ewwel miġja fil-gżejjer tagħna ta’ dan il-grupp ikona mużikali veru propju bil-formazzjoni ġdida tiegħu wara t-telfa tal-mibki mużiċist Astro. Mistenni li jkun kunċert bħal mafkar lil Astro bl-avveniment tal-preżenza fostna tal-vuċi unika ta’ Ali Campbell flimkien mal-grupp reggae t’oriġini multi-etnika li sawwar id-definizzjoni għall-mużika reggae għal ġenerazzjoni sħiħa. B’Ali Campbell bħala protagonisti flimkien ma’ parti mill-mużiċisti membri tal-grupp oriġinali. Ali ser ikunu akkumpanjati minn band ta’ tmien elementi li bla dubbju hi garanzija ta’ kwalità mużikali live li żgur tolqot il-gosti mużikali ta’ kull min jgħożż il-mużika vera!

Hu mistenni li l-pubbliku għal drab’oħra jissorprendi ruħu b’lejla festiva oħra ta’ mużika straordinarja. Permezz tal-unjoni bejn il-vuċi leġġendarja ta’ Ali Campbell flimkien mal-mużiċisti kollha fuq il-palk id-dilettanti ta’ mużika vera jkunu jistgħu joqorbu viċin għall-esperjenza tal-ħoss oriġinali ta’ dan il-grupp ta’ fama mondjali b’aktar minn 30 sena ta’ suċċessi, diski ta’ deheb u plantinum fl-gola quċċata tal-klassifiċi u l-bejgħ t’aktar minn 70 miljun kopja tal-albums tagħhom. Fuq kollox, Campbell ser iddewwaq lill-udjenza maltija siltiet mill-aħħar album ‘Unprecedented’, li kien ir-raba’ u l-aħħar xogħol irrekordjat flimkien ma’ Astro.

UB40 b’dawk l-għeruq fondi fil-ġeneri mużikali reggae u ritmi rock hekk kif ħarġu mit-tlett albums fis-serje Labour of Love li daħlu fl-istorja tal-mużika dinija, żgur ser jissarfu f’atmosfera li tassew tpaxxi il-qalb ta’ kull wieħed hekk il-folla tiżfen taħt sema sajfi inċanat kwiekeb mar-ritmu tal-klassiċi puri bħal Kingston Town, Cherry Oh Baby, u fuq kollox is-suċċess mondjali li kaxkar miegħu l-Ewropa u l-Amerika il-famuża Red Red Wine!

Kif jgħidu xejn ma jixjieħ aħjar mill-ifjen inbid! Forsi għall-eċċezzjoni ta’ mużika bla żmien!

Ghalkemm il-Kuncert ta-Travellers huwa b’xejn , hargu numru ta biljetti VIP’s min fuq https://www.showshappening.com/Ghaxaq-Music-Festival/The-Travellers-Live-in-Concert Il-ftit biljetti li baqa tal-UB40 jistghu jinqatghu min fuq https://www.showshappening.com/Ghaxaq-Music-Festival/UB40-featuring-Ali-Campbell.

Kull donazjoni li ser tingabar mil-publiku waqt id-dhul ser tmur ghall Embrace Diversity Organisation, organizazzjoni favur tfal b’dizabilita. L-Għaxaq Music Festival jgawdi l-patroċinju tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com