Ħaddiem Jintlaqat Minn Ħadida Li Waqgħet Waqt Li Kienet Tinġarr Minn Forklifter
Aktar kmieni llum, għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu, il-Pulizija kienet infurmata li kien seħħ inċident ġo maħżen li jinsab fil-Qasam Industrijali ta’ San Ġwann.
Minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li raġel ta’ 61 sena residenti Birkirkara kien qed jaħdem u ntlaqat minn ħadida li waqgħet waqt li kienet qed tinġarr permezz ta’ forklifter.
Ir-raġel ingħata l-assistenza fuq il-post minn tim mediku, ittieħed l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza, fejn aktar tard ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.