Ħanut Ġdid Tad-Ditta THUN Jiftaħ Fil-Belt Valletta

 Ħanut Ġdid Tad-Ditta THUN Jiftaħ Fil-Belt Valletta

Il-ġimgħa li għaddiet, il-familja Buttigieg, magħrufa għal Café Santa Lucia ta’ Ħ’Attard, fetħet l-ewwel ħanut tal-franchise THUN f’Malta, fil-qalba tal-Belt.

Fil-Belt Valletta għadu kemm ġie inawgurat ħanut ġdid dedikat esklussivament għall-prodotti THUN, bħala parti mill-franchise internazzjonali dejjem tikber ta’ din il-marka unika Taljana.

Bħala kumpanija ewlenija fl-industrija tar-rigali u l-aċċessorji, THUN għandha network ta’ aktar minn 1,000 ħanut madwar l-Italja – flimkien ma’ ħwienet oħra li tniedi regolarment madwar id-dinja. Fil-ħanut tal-franchise THUN ġdid fjamant f’Malta, il-klijenti se jsibu wħud mill-għażla li toffri din id-ditta fi prodotti taċ-ċeramika, ornamenti u oġġetti tal-kċina, ideali għad-dar jew biex jingħataw bħala rigal. Lene Thun waqqfet id-ditta fl-1950, hekk kif bdiet toħloq figuri taċ-ċeramika distintivi ispirati mill-bixra ta’ wliedha reqdin u l-Anġlu ta’ Bozen, is-simbolu magħruf universalment assoċjat mas-Sud Tirol u l-belt ta’ Bozen. Illum il-ġurnata, il-prodotti THUN għadhom iwasslu l-ferħ għand il-klijenti tagħhom madwar id-dinja kollha, billi jevokaw il-maġija u l-għożża tat-tfulija permezz tal-għażla kbira ta’ prodotti artiġjanali, dekorattivi u funzjonali, li jissimbolizzaw l-imħabba u l-affezzjoni.

Huma u jwasslu l-marka THUN f’Malta, l-aħwa Joseph u Ray Buttigieg qed jgħaddu lill-franchise l-benefiċċju ta’ snin twal ta’ esperjenza f’wieħed mill-aktar negozji tal-familja li ilhom joperaw u favoriti f’pajjiżna, Café Santa Lucia ta’ Ħ’Attard flimkien mat-taqsima aktar wiesgħa tal-catering.

“Matul is-snin, il-klijenti tagħna fdawna biex jiċċelebraw il-mumenti l-aktar speċjali f’ħajjithom. Hu u jgerbeb iż-żmien, ħassejna li – apparti l-ispeċjalitajiet kulinarji – xtaqna nipprovdu lill-klijenti tagħna xi ħaġa iżjed: rikordji speċjali li jgħinuhom jgħożżu l-mumenti għeżież għal ftit taż-żmien ieħor,” qalet il-familja Buttigieg waqt it-tnedija tal-ħanut tal-franchise THUN. “B’hekk ġiet l-idea ta’ Santa Lucia Gourmet u l-ħanut tar-rigali, li ftaħna sentejn ilu biex noffru rigali esklussivi għal persuni għeżież. F’THUN, sibna prodott b’messaġġ li jaqbel ma’ tagħna: prodott li jqanqal sensazzjonijiet ta’ għożża u tradizzjoni, klassi u eleganza. Grazzi talli ngħaqadtu magħna llum, aħna u niċċelebraw il-bidu ta’ din l-impriża ġdida!”

Il-ħanut tad-ditta THUN fil-Belt Valletta tnieda fis-7 ta’ Lulju, f’attività miftuħa għall-familja Buttigieg u l-ħbieb tagħhom, kif ukoll membri tal-istampa u l-midja, u d-direttur kummerċjali internazzjonali ta’ THUN, is-Sur Andreas Xynogalas.

L-ewwel ħanut THUN f’Malta fetaħ il-bibien tiegħu uffiċjalment għall-klijenti mit-8 ta’ Lulju.

THUN jinsab fi Pjazza San Ġwann kantuniera ma’ Triq Żakkarija, il-Belt Valletta. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-firxa wiesgħa ta’ prodotti THUN kif ukoll il-franchise THUN fuq https://www.thun.com, fuq Instagram @thunmalta, u fuq Facebook THUN MALTA.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com