Id-Dokument Glossarju Bilingwi Ta’ Termini Tal-Matematika Mniedi Għal Konsultazzjoni
Il-Glossarju Bilingwi ta’ Termini tal-Matematika li tnieda għal konsultazzjoni, għandu l-għan li jipprovdi kliem u espressjonijiet li jistgħu jintużaw bħala parti mill-komunikazzjoni bilingwi tal-matematika fl-istadji tal-edukazzjoni tas-snin bikrin u tal-primarja (etajiet ta’ 3 sa 11-il sena).
L-isfond għat-tnedija ta’ dan il-glossarju huwa li f’Malta l-lingwa akkademika tal-matematika ilha żmien twil bl-Ingliż, bit-testi miktuba kollha, fosthom kotba, ix-xogħol miktub fil-klassijiet fuq il-whiteboards, in-noti tal-istudenti u l-worksheets huma kollha bl-Ingliż. Madanakollu, riċerka turi li l-edukaturi jaqilbu bejn il-Malti u l-Ingliż matul l-interazzjoni tagħhom mal-istudenti fil-klassi u dan ifisser li hija prattika komuni li jintużaw żewġ lingwi fit-tagħlim tal-matematika.
Id-dokument għalhekk jipprovdi kliem u espressjonijiet li jistgħu jintużaw bħala parti mill-komunikazzjoni bilingwi tal-matematika fl-istadji tal-edukazzjoni tas-snin bikrin u tal-primarja.
“Dan huwa proċess ieħor minn sensiela li qed iwettaq il-Ministeru għall-Edukazzjoni biex dejjem itejjeb it-tagħlim fl-iskejjel tagħna, kif għamilna fix-xhur li għaddew meta nedejna diversi strateġiji f’diversi setturi fil-qasam edukattiv”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima. “L-edukazzjoni hija xi ħaġa ħajja li dejjem tkompli tikber u tevolvi u tinbidel skont iż-żminijiet, u dan id-dokument huwa parti minn dan il-proċess”.
Din ir-riżorsa ġiet żviluppata b’kunsiderazzjoni tal-prattiki diġà eżistenti u tissuġġerixxi kliem u espressjonijiet li jistgħu jintużaw bħala parti mir-reġistru tal-matematika. Din il-lista ta’ termini se tgħin lill-għalliema meta jiġu biex jispjegaw kunċetti u proċessi matematiċi, u biex joħorġu sew it-tifsir speċifiku li jġibu magħhom. Kull kelma tniżżlet bl-Ingliż u bil-Malti, flimkien ma’ eżempju ta’ kif il-kelma tista’ tintuża f’kuntest.
F’dan id-dokument ta’ konsultazzjoni, is-suġġetti huma: il-kejl (kliem ġenerali, il-ħin, il-kapaċità, il-massa u t-tul u l-area), il-forom, ir-relazzjonijiet spazjali, id-diġits, numerali u numri, u t-tiżjid u t-tnaqqis.
Id-dokument huwa miftuħ għal konsultazzjoni pubblika sat-30 ta’ Settembru 2022 u dawk interessati huma mistiedna jibagħtu l-kummenti tagħhom permezz tal-formola elettronika li tinsab fuq is-sit http://forms.office.com/r/FpFRmWWYP9.
Il-membri tal-grupp ta’ ħidma li qed jaħdmu fuq dan il-glossarju huma Prof. Marie Therese Farrugia (mill-Università ta’ Malta) Chairperson, David Muscat u Dr Lara Ann Vella (mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu) u Melanie Casha Sammut (mid-Direttorat għat-Tagħlim u l-Assessjar tal-Ministeru). Id-dokument ġie ppubblikat mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, r-Riċerka u l-Innovazzjoni.