Il-Gvern Għandu Jagħmel It-Tibdil Neċessarju Fl-Avviż Legali Tad-Direttiva Tal-Work Life Balance – PN

 Il-Gvern Għandu Jagħmel It-Tibdil Neċessarju Fl-Avviż Legali Tad-Direttiva Tal-Work Life Balance – PN

Il-Partit Nazzjonalista talab lill-Gvern biex jerġa’ jifli l-liġi u jagħmel it-tibdil neċessarju fl-avviż legali tad-Direttiva tal-Work Life Balance li ġie ppubblikat il-ġimgħa li għaddiet. Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Membru Parlamentari Ewropew David Casa, mill-Kelliem tal-PN għall-Ugwaljanza u t-Tfal Graziella Attard Previ u mill-Kelliem għax-Xogħol u l-Marittimu Ivan Castillo.

It-tlieta li huma laqgħu din id-Direttiva bħala żvilupp pożittiv għad-drittijiet minimi li ġew ippreżentati għall-ġenituri u l-carers madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Huma tkellmu dwar il-potenzjal li din il-liġi tindirizza d-differenzi bejn l-irġiel u n-nisa kif ukoll li tiddaħħal kultura li fiha l-irġiel u n-nisa jkunu jistgħu jaqsmu r-responsabbiltajiet bejniethom.

Irridu nnaqqsu d-differenzi li jeżistu fil-postijiet tax-xogħol, fil-pagi u fil-pensjonijiet.” Din id-Direttiva, li n-negozjatur ewlieni tagħha mill-Parlament Ewropew kien l-MEP David Casa, hija pass kbir ‘il quddiem għall-familji kollha madwar l-Unjoni Ewropea.

Iżda l-isforz tal-Gvern biex idaħħal din il-liġi f’Malta kien żgħir wisq, sostnew il-kelliema. David Casa qal li minbarra li kaxkar saqajh sal-aħħar minuta biex idaħħal din il-liġi f’Malta, il-Gvern Laburista żamm mal-minimu tad-drittijiet. Casa spjega li minħabba f’dan id-dewmien, l-avviż legali li ġie ppubblikat kellu għadd ta’ kwistjonijiet li setgħu ġew indirizzati li kieku l-Gvern irrikorra għal konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali.

Waqt li Casa esprima l-istess diżappunt għall-minimu li ddaħħal fil-liġi Maltija, huwa talab lill-Gvern biex “jerġa’ jifli l-liġi u jagħmel it-tibdil neċessarju”.

Ivan Castillo spjega li d-Direttiva tistabbilixxi biss l-istandards minimi li għandhom ikollhom il-pajjiżi u issa huwa f’idejn il-Gvernijiet biex idaħħlu dawn l-istandards fil-liġijiet nazzjonali permezz ta’ framework legali prattiku u effikaċi. Dwar il-kwistjonijiet fl-avviż legali, huwa rrefera għall-kwistjoni tal-iffinanzjar, tal-flessibbiltà u l-ammont imdaqqas ta’ restrizzjonijiet li jmorru ‘l barra mill-iskop ta’ dawn il-miżuri. “In-negozji u l-SMEs qed jintalbu jħallsu għal dawn il-miżuri. Il-leave qed jiġi ristrett u mhux flessibbli. U l-ġenituri tat-trabi mwielda qabel it-2 ta’ Awwissu li ġej qed jiġu esklużi minn dawn id-drittijiet għas-snin li ġejjin.”

L-avviż legali qajjem kritika fost min iħaddem u l-imsieħba soċjali li lmentaw dwar policies li mhumiex ċari, nuqqas ta’ konsultazzjoni u l-livell baxx ta’ ambizzjoni fl-investiment fid-drittijiet tal-familji.

Graziella Attard Previ sostniet li min-naħa tal-Partit Nazzjonalista l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva dejjem ħares lejha bħala investiment fil-familja Maltija. Hija sostniet li l-implimentazzjoni ta’ din id-direttia kif għandu jkun kellha ċ-ċans li tagħti l-opportunitá biex tiġi indirizzata l-problema tal-Ugwaljanza. Graziella Attard Previ sostniet li l-familji tagħna jistħoqqilhom verżjoni aħjar tal-liġi milli dik li għandna llum.

L-avviż legali ġie ppubblikat jiem biss qabel ma jagħlaq it-terminu li fih kellha tiddaħħal id-Direttiva tal-Work Life Balance. Id-Direttiva hija liġi Ewropea li għaliha David Casa kien in-negozjatur ewlieni tagħha mill-Parlament Ewropew.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com