Il-Ministru Jo Etienne Abela Onorat Mill-Kulleġġ Tal-Kirurgi F’Edinburgh L-Iskozja
Il-Kulleġġ tal-Kirurgi ta’ Edinburgh I-Iskozja għadu kemm ippremja lill-Dr Jo Etienne Abela bil-College International Medal. Din il-medalja hija rikonoxxenza u ħatra prestiġġjuża ħafna li tiġi mogħtija bħala lifetime achievement award.
L-għotja timmarka apprezzament għall-karriera ta’ Dr Abela fil-kirurġija ddedikata għall-avvanzi fis-servizzi mediċi, u kif ukoll għall-kontribut dirett tiegħu lill-Kulleġġ. B’mod sinifikanti, t-tħabbir tal-ħatra sar mill-President tal-Kulleġġ stess, Profs Mike Griffin. Il-Kulleġġ tal-Kirurgi huwa l-akbar kulleġġ tat-tip tiegħu fid-dinja.
Ġie mwaqqaf fl-1505 mir-Re James IV tal-Iskozja. Illum jiġbor fih il’ fuq minn għoxrin elf membru u fellows minn mitt pajjiż.
Dr Jo Etienne Abela jikkumenta: “Meta l-President tal-Kulleġġ infurmani b’dan il-premju u ħatra kważi lanqas ridt nemmen. Sodisfatt ħafna li l-metadoloġiji u strateġiji kirurġiċi ġodda li ntroduċejt qed jiġu rikonoxxuti globalment. Kburi li tajt sehemi biex pajjiżi, Malta u Għawdex, jissemma’ fl-ogħla ċrieki tal-professjoni tagħna. Ċert li dan ir-rikonoxximent personali se jservi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-Kulleġġ tal-Kirurgi ma’ pajjiżna fl-oqsma tat-tagħlim u l-eżamijiet. Kuntent ukoll li l-viżjoni li varajt biex nattiraw aktar speċjalisti li jaħdmu mal-anzjani ntlaqgħet tajjeb. Bhala membru tal-Kabinett tal-Gvern nemmen li din il-ħatra hija wkoll rikonoxximent għax-xoghol siewi li jagħmel pajjizna fil-qasam tal-mediċina. Bħala Għawdxi pur, nawgura li dan il-premju u ħatra jkunu ta’ ispirazzjoni għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin tagħna. Il-messaġġ tiegħi hu dan: xejn u ħadd m’għandu jaqtgħalkom qalbkom biex taslu fil-quċċata, għax m’għandkom xejn inqas minn ħaddieħor. Tibżgħux tagħmlu l-ħolm tagħkom realtà. Kull ma tridu hija rieda tal-azzar. Fl-aħħarnett, dan ir-rikonoxximent lili u lil pajjiżi jkompli jixprunani biex naħdem iktar bis-sħiħ fil-ħajja pubblika. Għad għandi sitta u erbgħin sena, u nara ħafna tragwardi quddiemi x’nilħaq. Minn qalbi naċċetta din il-midalja bi gratiduni u umiltà.”
Il-Professur Jo Etienne Abela nħatar Ministru għall-Anzjanità Attiva mill-Prim Ministru Robert Abela, wara li ġie elett mill-ewwel fl-aħħar elezzjoni ġenerali li saret f’pajjiżna, f’Marzu li għadda.