Il-MPE Agius Saliba, Negozjatur Tal-S&D Jilqa’ L-Vot B’ Maġġoranza Kbira Dwar Ir-Rapport “Lejn Drittijiet Ugwali Għall-Persuni B’ Diżabilità”
Il-MPE Alex Agius Saliba, kelliem tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi u rappreżentant tal-Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-monitoraġġ tal-UNCRPD fil-Parlament Ewropew jilqa’ l-vot b’maġġoranza kbira dwar ir-rapport “Lejn drittijiet ugwali għall-persuni b’diżabilità” fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet.
Fl-Unjoni Ewropea hemm aktar minn 100 miljun persuna b’diżabilità. Is-sitwazzjoni tagħhom tista’ tvarja minn Stat Membru għal ieħor, iżda ġeneralment huma aktar probabbli li jkunu esposti għall-esklużjoni soċjali, il-faqar u l-qgħad.
“Ix-xogħol u l-impjiegi huma elementi kruċjali għall-għajxien indipendenti u fatturi elementari fl-iżgurar tal-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva u l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità fis-soċjetà tagħna. L-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità jitlob b’mod ċar li jsir kull sforz biex il-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jsibu impjieg f’suq tax-xogħol miftuħ. Għalhekk huwa essenzjali li jiġu ssolrveljati l-iżviluppi fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea dwar it-twettiq tal-obbligi tagħhom skont il-UNCRPD, jew fl-impjegar ta’ persuni f’forom protetti ta’ xogħol li jwasslu għall-faqar fost dawk li jaħdmu”, ikkummenta l-MPE Agius Saliba.
Ir-rapport qed jistieden lill-Kummissjoni Ewropea twettaq riċerka dwar forom protetti ta’ xogħol u biex tikseb għarfien dwar kemm persuni b’diżabilità għandhom impjieg fis-suq tax-xogħol miftuħ. Iċ-ċifri tal-Eurostat juru liema perċentwal ta’ persuni b’diżabilità huma impjegati f’kull Stat Membru, iżda l-kwalità tal-impjieg li kull persuna ssib ruħha fiha tibqa’ mhux magħrufa. B’mod partikolari hemm kuntrast kbir bejn il-persuni b’diżabilità impjegati fis-suq tax-xogħol miftuħ, u dawk li huma impjegati f’workshops protetti.
“Forom protetti ta’ xogħol għandu jkollhom l-għan li jiżguraw l-inklużjoni, ir-riabilitazzjoni u t-tranżizzjoni għas-suq tax-xogħol miftuħ, iżda spiss ikunu ambjenti segregati li fihom il-ħaddiema b’diżabilità ma jkollhomx status ta’ impjegat jew igawdu d-drittijiet tax-xogħol, li b’mod ċar jikkostitwixxi ksur tal-UNCRPD. Għalhekk, mudelli inklużivi ta’ impjieg appoġġat jistgħu, jekk ikunu bbażati fuq id-drittijiet u rikonoxxuti bħala impjieg, jirrispettaw id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u jservu l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol miftuħ u t-tranżizzjoni għalih. Huwa d-dmir tagħna li nippromwovu l-inklużjoni soċjali u ekonomika u l-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità fis-soċjetà, ħielsa mid-diskriminazzjoni u b’rispett sħiħ tad-drittijiet tagħhom fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor”, ikkonkluda il-MPE Laburista Alex Agius Saliba.