Il-MPE Josianne Cutajar Tkompli Tisħaq Għar-Rikonoxximent Ta’ Sfidi Partikolari Li Jaffaċċjaw Il-Gżejjer Ewropej
Fid-dawl tal-vot tal-Parlament Ewropew tal-bieraħ dwar liġi għall-fjuwils sostenibbli fis-settur tal- avjazzjoni, proposta leġiżlattiva li tifforma parti mill-Pakkett Fitfor55, il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar tenniet li l-isfidi speċifiċi relatati mal-gżejjer għadhom mhux qed jiġu kkunsidratib’mod adegwat fuq livell Ewropew.
Il-MPE Cutajar li hija wkoll membru tal-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu, u li ippreżentat diversi emendifil-livell ta’ kumitat biex tisħaq fuq l-attenzjoni speċifika li l-gżejjer jeħtieġu, stqarret li fejn l- ispeċifiċitajiet reġjonali ma jitqiesux b’mod suffiċjenti fil-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, hi ma tivvutax favur tali pożizzjoni. Dan speċjalment fejn jidħlu liġijiet li jaffettwaw direttament it-trasport bl-ajru u bil-baħar, mezzi tat-trasport li fuqhom jiddependu ħafna l-gżejjer.
“Dan in-nuqqas ta’ rikonoxximent adegwat reġa’ deher fil-każ tal-Proposta għal Regolament dwar fjuwils sostenibbli tal-avjazzjoni, li ġiet ivvotata llum. Filwaqt li jien favur li tiġi żgurata dekarbonizzazzjoni mgħaġġla tas-settur tal-avjazzjoni, ma nistax ma nenfasizzax li jeħtieġ li jkollna miri u dispożizzjonijiet realistiċi li jindirizzaw l-impatt fuq gżejjer u Stati Membri bħal tagħna li jiddependu ħafna mis-settur tal-avjazzjoni għall-konnettività, it-turiżmu u l-iżvilupp ekonomiku tagħhom”, stqarret il-MPE.
“Saħansitra, dan kollu jirrelata mal-protezzjoni tad-dritt tal-moviment ħieles, aktar u aktar meta jitqies liċ-ċittadini u n-negozji li ġejjin mill-gżejjer jeħtieġu aċċess għal konnessjonijiet adegwati u vjaġġar bi prezz raġonevoli”, qalet Dr Cutajar.
Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda mill-periferija tal-Unjoni Ewropea jgawdu minn trattament preferenzjali meta mqabbla ma’ gżejjer oħra minħabba dispożizzjonijiet speċifiċi tat-trattat. Madankollu, l-UE teħtieġ ukoll tibda tirrikonoxxi li gżejjer oħra bħal tagħna, li mhumiex reġjuni ultraperiferiċi, jiffaċċjaw ukoll sfidi partikolari u għaldaqstant hemm bżonn li jiġu assistiti sabiex ma jitħallewx jaqgħu lura. Dan huwa messaġġ li l-MPE Cutajar kontinwament tisħaq fuq livell Ewropew.
Bħala n- negozjatriċi tar-Rapportdwar il-gżejjer f’isem is-Soċjalist Ewropej, il-MPE Josianne Cutajar saħqet għal darb’oħra fuq il-ħtieġa ta’ proposti li jkunu territorial-proof. “Jekk dan ma jkunx il-każ, inkomplu nispiċċaw b’aktar fallimenti leġiżlattivi li bilkemm iqisu żoni periferali u insulari, aħseb u ara jindirizzawil-bżonnijiet tagħhom,” temmet tgħid Dr Cutajar.