Il-Pedestall Tal-Inkurunazzjoni Tal-Madonna Fiż-Żurrieq
Ix-xewqa li jinħadem pedestall kbir sabiex ikun jagħmel parti mill-armar estern tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu kienet ilha tberren fl-imħuħ tad-dilettanti tal-Armar Karmelitani Żrieraq. F’Awwissu tal-2007 il-Kummissjoni Armar giet avviċinata mill-ex President Ononarju s-Sur Ġużi Dalli fejn dan għamel proposta sabiex jiġi maħdum pedestall kbir.
Din il-proposta giet milqugħa u minnufih bdiet il-ħidma. Wara diversi laqgħat ġie maqbul li għal fuq dan il-pedistall issir kompozizzjoni ta’ statwi li jirrappreżentaw l-Inkurunazzjoni tal-Madonna. Ġew avviċinati l-artisti Michael u Adonai Camilleri Cauchi sabiex jagħmlu d-disinn tal-pedestall. F’Novembru 2007 l-artisti ippreżentaw id-disinn waqt laqgħa tal-Kummissjoni Armar li saret fil-każin tas-Soċjetà. Id-disinn kien jinkorpora fih l-erba’ evanġelisti fejn il-ħsieb kien li jitqiegħdu wieħed ma’ kull faċċata tal-pedestall. Fi Frar 2009 ġie avviċinat id-disinjatur Innocent Centorrino sabiex jagħmel xi modifikazzjonijiet u l-grandiment tal-pedestall. Il-Kummissjoni Armar fasslet pjan ta’ kif kien hemm il-ħsieb li jimxi dan il-proġett. Il-pjan kien maqsum f’żewg partijiet. Parti waħda kienet ta’ kif ser jiġi ffinanzjat. Dan peress li dan il-progett konna qed nistmaw li gej jiswa eluf t’ewro. Hawnhekk giet mitluba l-għajnuna tal-membri u l-partitarji sabiex jissieħbu fi skema ta’ ġbir sabiex kull min xtaq seta’ jgħin finanzjarjament. It-tieni parti kienet dik tal-ħidma propja fuq il-pedestall. Il-karpinterija tal-pedestall bdiet tinħadem wara l-festa tal-2014. Il-pedestall beda jinħadem mill-parti t’isfel, mill-hekk imsejħa l-“vaża”. Il-vaża tinkorpora fiha żewġ gwarinċi kbar kif ukoll tmien panewijiet, fost ħafna xogħol ieħor.
Wara nħadmet il-parti ta’ fuq tal-vaża li fiha tliet gwarniċi. Kif dawn iż-żewg partijiet kienu lesti, bdew id-diskussjonijiet fuq l-iskultura. L-għażla waqgħet fuq l-artist Andrew Bugeja sabiex jimmudella l-iskultura hu. Hawnhekk mill-ewwel bdejna bl-immudellar tal-iskultura tal-vaża li tikkonsisti fi skudett u mensola ta’ ċertu kobor kif ukoll ornament għal ġol-panewijiet. Fit-tieni parti tal-2017 bdiet tinħadem il-parti tan-nofs tal-pedestall, dik imsejħa bħala t-“tromba”. Din il-parti kellha tinħadem f’parti waħda minħabba l-fatt li kien diffiċli li jinstab post minn fejn tista’ tinqasam sabiex tiżżarma.
Ma’ din il-parti nħadmu erba’ panewijiet, wieħed ma’ kull faċċata u li eventwalment quddiemhom kellhom jiġu l-erba’ evanġelisti. Fl-ewwel nofs tal-2018 bdiet tinħadem l-skultura fl-injam tal-parti t’isfel kif ukoll inħadmet il-gwarniċa l-kbira tal-parti ta’ fuq tal-pedestall. Fl-aħħar xhur tal-2018 inħadmet l-aħħar parti tal-pedestall. Din kienet il-parti ta’ fuq nett li fuqha titqiegħed l-istatwa tal-Inkurunazzjoni. Wara, dan l-injam kollu użat, beda jiġi ttrattat kontra s-susa kif ukoll bdew jingħataw l-ewwel passati taż-żebgha. Fil-bidu tal-2019 kompliet tigi immudellata u maħduma aktar skultura.
Fl-istess żmien, fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-pedestall. bdiet tinħadem l-istruttura tal-ħadid. Hawnhekk diversi partijiet tal-pedestall bdew jiġu ppruvati ma’ xulxin ħalli jkunu jistgħu jingħaqdu flimkien u jkollna idea aktar ċara ta’ kif irid ikun armat u żarmat.
Sadanittant beda jinħadem ukoll it-taraġ li fuqu jitqiegħed il-pedestall. Hekk kif tlesta dan ġie armat tliet darbiet sabiex ikun jista’ jiġi mqabbel mal-pedestall u minħabba id-diżlivell tal-art. Lejn nofs is-sena 2020 saret laqgħa ma’ diversi voluntiera fl-imħażen, liema laqgħa kienet tittratta l-fażi importanti u delikata tal-proġett – l-irħamar u d-dekorazzjoni. Saru diversi mostri ta’ rħamar b’kuluri differenti. Minn dawn intgħażlu dawk li kienu ser jintużaw. Ġie deċiż ukoll li l-induratura ssir b’deheb ta’ 23.5 karat. Qabel beda l-irħamar ingħataw diversi passati ta’ żebgħa fejn wara kull passata, sar l-ixkatlar meħtieġ. Il-proċess tal-irħamar u d-dekorazzjoni ħa ftit aktar minn sena u nofs sabiex jitlesta. F’dan iż-żmien gie inkarigat l-artist Silvio Pace sabiex jagħmel id-disinn tal-kanċell li wieħed jara f’tarf it-taraġ. Inhadmu wkoll erba’ brazzi. Dawn jintramaw mal-erba’ mensoli li jinstabu fil-kantunieri tiegħu. Minħabba ċirkostanzi li ma kellniex kontroll fuqhom, l-artist inkarigat mix-xogħol tal-istatwi kellu jinbidel darbtejn.
Wara ħafna taqtigħ il-qalb, f’Novembru 2020 ġie avviċinat l-artist Għawdxi James Azzopardi Goodall sabiex jaħdem l-istatwi. Dan aċċetta l-inkarigu minnufih. Sa Novembru 2021 l-Evanġelista San Mark kien lest.
Fi Frar 2022 tlestew l-Evanġelisti San Mattew u San Luqa filwaqt li San Ġwann tlesta fil-bidu ta’ Marzu. Immedjatament wara bdiet tinħadem il-kompozizzjoni ta’ statwi li jirrappreżentaw l-Inkurunazzjoni tal-Madonna. Dawn tlestew f’Ġunju biex b’hekk il-pedestall tal-Inkurunazzjoni issa huwa komplut.
Il-Kummissjoni Armar tixtieq tirringrazzja mill-qalb lil kull min b’xi mod jew ieħor ta s-sehem tieghu. Grazzi lil dawk li għenu finanzjarjament. Nirringrazzjaw lill-artisti li ħadmu fuq dan il-proġett. Ringrazzjament speċjali jmur lejn l-artiġġjana li għal sigħat twal ħadmu b’mod volontarju biex il-ħolma li ilha għal snin twal tberren f’moħħ il-Karmelitani Żrieraq setgħet titwettaq.
(Dan l-artiklu huwa miktub mill-kummissjoni armar)