Il-PN ikompli jitkellem f’isem il-ħaddiema, fost it-tħassib tal-impjegati tal-Air Malta

 Il-PN ikompli jitkellem f’isem il-ħaddiema, fost it-tħassib tal-impjegati tal-Air Malta
Il-Partit Nazzjonalista esprima t-tħassib tiegħu għall-fatt li, kif ħalla s-sitwazzjoni fl-Air Malta tiggrava, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jipperikola l-eżistenza tal-linja nazzjonali tal-ajru u l-għajxien tal-ħaddiema tagħha. Bl-aġir tiegħu, il-Gvern reġa’ inganna għax qabel l-elezzjoni qal lill-ħaddiema tal-Air Malta li kellu pjan u kollox kien lest, iżda llum qed nirrealizzaw li dan ma kienx minnu. Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista.
Matul konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem għax-Xogħol u s-Settur Marittimu Ivan Castillo u l-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia spjegaw kif il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jitkellem f’isem il-ħaddiema meta jippretendi li Robert Abela u l-Gvern tiegħu jwieġbu l-mistoqsijiet, fosthom dwar fejn marru l-flus li kienu investiti, kif qed jintagħżlu l-ħaddiema u anke dwar il-pagi u l-benefiċċji li qed jingħataw.
Intqal li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ qrib il-ħaddiema kollha, partikolarment dawk li bħalissa jinsabu għaddejjin minn inċertezza kbira, anke minħabba l-effetti li qed tħalli l-pjaga tal-għoli tal-ħajja, bil-Gvern qed jispiċċa jinjora għal kollox l-isfidi li l-familji Maltin u Għawdxin qed iħabbtu wiċċhom magħhom. “Għax filwaqt li l-Gvernijiet ta’ diversi pajjiżi oħrajn qed jgħinu liċ-ċittadini tagħhom, il-Gvern ta’ Robert Abela mhux qed jagħmel biżżejjed f’dan ir-rigward.”
“Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li flus il-poplu jintefqu fl-aħjar interess tal-pajjiż u tal-familji tiegħu. Bl-istess mod fl-Air Malta, fejn s’issa għadna ma nafux x’inhi l-istrateġija tal-Gvern għax ħadd għadu ma jaf x’se jiġri, minkejja l-wegħdiet sbieħ li saru qabel u wara l-elezzjoni ġenerali”, temmet tgħid l-istqarrija.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com