Il-PN Jappella Għat-Tibdil Meħtieġ Biex Il-Korp Tal-Pulizija Jissaħħaħ Mill-Ġdid
“Il-Gvern Laburista tilef għal kollox il-ħila li jiżgura Korp tal-Pulizija motivat u organizzat tajjeb. Il-Korp tal-Pulizija jinsab f’sitwazzjoni ħażina ħafna.” Hekk qalet stqarrija mill-Partit Nazzjonalista ffirmata minn Joe Giglio – Kelliem għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi u Ivan Castillo – Kelliem għax-Xogħol u s-Settur Marittimu.
Saħqu li l-moral mhux biss hu f’livell baxx, iżda s-sens ta’ demotivazzjoni nxterdet kullimkien. “Ninsabu f’sitwazzjoni ta’ tħassib u perikoluża, fejn kważi kważi aktar qed naraw Pulizija jitilqu mill-Korp milli jidħlu rekluti ġodda.”
Il-Partit Nazzjonalista jħoss li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Pulizija jeħtieġ li jitjiebu biex, minflok eżodu ta’ Pulizija, ikunu attirati aktar persuni li jagħżlu li jidħlu jaħdmu fi ħdan il-Korp.
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi solidarjetà mal-membri kollha tal-Korp, li qed jiffaċċjaw l-agħar sitwazzjoni li qatt kienu fiha, b’kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol, b’pagi baxxi u mingħajr l-ebda spalla mill-Gvern biex tinħoloq il-bidla li għandu bżonn il-Korp tal-Pulizija.
“Bil-kriminalità qed tiżdied u bil-Gvern ma jindirizzax il-problemi li ħoloq hu stess, il-poplu qed jitlef il-fiduċja tiegħu fil-Korp.
Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern u lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jassiguraw it-tibdil meħtieġ biex il-Korp jissaħħaħ mill-ġdid”, temmet tgħid l-istqarrija.