Il-PN Se Jkompli Jinsisti Biex Il-Pjaga Tal-Għoli Tal-Ħajja Tkun Indirizzata

 Il-PN Se Jkompli Jinsisti Biex Il-Pjaga Tal-Għoli Tal-Ħajja Tkun Indirizzata
Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jinsisti li Robert Abela jindirizza l-pjaga tal-għoli tal-ħajja, li qed tkompli tolqot lill-faxex kollha tas-soċjetà, ħalli naraw li ħadd ma jaqa’ lura. Dan meta qed ikompli joħroġ biċ-ċar kemm hu evidenti li Abela qata’ qalbu quddiem din il-problema, tant li lanqas imqar qed jibgħat messaġġ li mhux aċċettabbli kif il-prezzijiet qed ikomplu jogħlew mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien intervistat fuq NET FM, fejn tenna li spiċċa ż-żmien li Abela jibqa’ jġib l-iskużi u jħalli lil dawk li għandhom l-anqas paga jħossu aktar id-daqqa tal-għoli tal-ħajja.
Bernard Grech qal ukoll li issa għandna konferma oħra kemm Abela qed iżomm kontroll assolut tal-PBS wara li l-Qorti ddeċidiet li x-Xandir tal-Istat u l-Awtorità tax-Xandir kisru d-drittijiet fundamentali tal-Partit Nazzjonalista. Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista jrid li l-poplu Malti u Għawdxi kollu jkollu d-dritt tal-verità fuq l-Istazzjon Nazzjonali li jħallas għalih mit-taxxi.
Bl-istess mod, ftit tal-jiem ilu, aġenzija internazzjonali tat ċertifikat negattiv ieħor lil Robert Abela meta kkritikat il-mod kif il-Gvern tal-Labour qassam ċekkijiet ftit jiem biss qabel l-elezzjoni ġenerali, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan juri kif Abela donnu jħossu komdu jabbuża mill-fondi pubbliċi.
Mistoqsi wkoll dwar aġir l-Avukat Ġenerali, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jinkwieta meta jara li l-poplu mhux qed iħossu protett quddiem dak kollu li qed ikun żvelat. Għaldaqstant, biex ma tkomplix iddgħajjef din l-istituzzjoni, l-Avukat Ġenerali għandha terfa’ r-responsabbiltà u twarrab mill-kariga.
Bernard Grech tkellem ukoll dwar kif il-Partit immexxi minnu se jibqa’ jaġixxi favur il-Belt Valletta u biex il-Kapitali tagħna tkompli tieħu l-ħajja. Madankollu, dan m’għandux isir b’dannu għar-residenti, b’dannu għan-negozjanti li ilhom is-snin jinvestu biex jattiraw turiżmu adattat jew b’dannu għall-identità tal-Belt.
Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista vvota kontra l-Avviżi Legali li daħħal il-Gvern biex il-mużika fil-Belt Valletta tibqa’ għaddejja sas-1am. Min-naħa l-oħra, il-Partit ta’ Robert Abela baqa’ jinsisti li ma jagħtix kas dawn l-eżiġenzi u minflok, ordna lid-Deputati tiegħu eletti fuq l-ewwel distrett biex jibqgħu b’ħalqhom magħluq.
Finalment, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamel referenza wkoll għall-proċess ta’ riforma u tiġdid li għadu għaddej fil-Partit, fost l-oħrajn bl-għażla ta’ Alex Perici Calascione bħala Viċi Kap ftit tal-jiem oħra tkun ħolqa oħra f’dan il-proċess.
Dan filwaqt li sellem u rringrazzja lil David Agius u lil Robert Arrigo għall-ħidma li għamlu bħala Viċi Kapijiet u li konvint li se jibqgħu jagħmlu bħala Deputati eletti f’isem il-Partit b’risq il-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com