Imniedi l-prospett tal-Giovanni Curmi Higher Secondary School għas-sena skolastika 2022/23
Waqt konferenza tal-aħbarijiet tnieda l-prospett tal-Giovanni Curmi Higher Secondary School (GCHSS) għas-sena skolastika 2022/23 u li għat-tieni sena konsekuttiva jinsab online biex ikun milħuq aħjar u b’mod interattiv mill-istudenti prospettivi kollha tal-GCHSS.
“Il-prospett jirrifletti l-missjoni ta’ din l-istituzzjoni edukattiva post-sekondarja li hija dik li tipprovdi edukazzjoni permezz tal-iżvilupp sħiħ tal-abiltajiet tal-istudent u dan il-prospett li qed inniedu llum huwa riflessjoni ta’ din il-missjoni”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.
Il-Ministru Grima tenna li l-prospett huwa mfassal fuq il-ħtiġijiet tal-istudent prospettiv tal-GCHSS, u għalhekk iħares lejn l-abbiltajiet varji li għandhom l-istudenti u kif il-GCHSS tista’ toħroġ l-aħjar elementi edukattivi tal-istudenti.
Huwa spjega li l-GCHSS hija pass ’il quddiem mill-ħajja sekondarja tal-istudent – b’edukazzjoni aktar avvanzata u wkoll speċjalizzata. Dan iwassal biex l-istudenti mhux biss jiksbu edukazzjoni fis-suġġetti li l-aktar jinteressawhom, imma importanti wkoll li l-istudenti jiksbu ħiliet importanti għall-kariera li jagħżlu.
“Imma fuq kollox din l-istituzzjoni edukattiva post-sekondarja tagħti wkoll lill-istudenti pedament sod li permezz tiegħu jkollhom l-aħjar u l-aqwa transizzjoni bejn il-bank tal-iskola u d-dinja adulta – u dik tax-xogħol”, temm jgħid il-Ministru Grima.
“Il-prospett huwa wieħed rikk u fih l-informazzjoni importanti kollha dwar is-suġġetti mgħallma fl-iskola, il-korsijiet u l-programmi varji li għandna x’noffru, is-servizzi ta’ appoġġ ipprovduti, u l-faċilitajiet li jinsabu fil-kampus”, qal Gaetano Calleja, il-kap tal-iskola.
Matul is-sajf, il-GCHSS qed toffri wkoll opportunità għal sessjonijiet ta’ konsultazzjoni lil dawk interessati mal-membri tat-Tim ta’ Gwida u Pariri tal-iskola. L-appuntamenti għal dan il-għan jistgħu jsiru fuq 21431407.
Il-kampus tal-GCHSS se jkun miftuħ għall-istudenti prospettivi u l-ġenituri/kustodji tagħhom fit-12 ta’ Lulju 2022 mis-19:00 sat-22:00 biex dawk li jattendu jkunu jistgħu jaraw il-kampus u jiksbu informazzjoni dwar l-iskola, il-korsijiet u l-programmi tagħha.
L-istudenti jistgħu jżommu kuntatt mal-iskola permezz tas-sit elettroniku https://www.gchss.edu.mt/ jew permezz tal-paġna tal-Facebook https://www.facebook.com/GCHSSnaxxar.
L-applikazzjonijiet jiftħu fil-11 ta’ Lulju u jagħlqu fid-19 ta’ Awissu 2022. Il-prospett jinsab fis-sit elettroniku: https://www.gchssprospectus.com.