Imwettqa Wegħda Elettorali Oħra – Simplifikat L-Aċċess Għall-Pestiċidji Organiċi Għall-Bdiewa Maltin U Għawdxin
Ħidma konġunta bejn il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur permezz tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u l-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali wasslet biex titwettaq wegħda elettorali fir-rigward tas-settur tal-biedja.
Bit-twettiq ta’ din il-wegħda ġie simplifikat u żdied l-aċċess għall-pestiċidi organiċi li diġà huma rreġistrati fi Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea iżda li mhumiex irreġistrati f’Malta. S’issa diġà hemm tliet prodotti ġodda li ġew awtorizzati mill-MCCAA, li wieħed minnhom jista’ jintuża fil-biedja organika.
Wieħed minn dawn it-tliet prodotti huwa bexx li huwa nqas tossiku u jintuża fil-biedja organika. It-tnejn l-oħra huma insettiċida u fungiċida li jintużaw fuq pestiċidji speċifiċi li jattakkaw ħxejjex, l-aktar imkabbra mill-bdiewa.
Tħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, mill-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, u ċ-Chairperson tal-MCCAA Helga Pizzuto.
Fl-intervent tagħha, il-Ministru Farrugia Portelli spjegat li l-proċedura l-ġdida stabbilita mill-MCCAA se tintuża f’każijiet fejn pestiċidji diġà qegħdin fis-suq fi Stat Membru ieħor u li għandhom l-istess klima ta’ Malta u jkunu ta’ interess ġenerali għal pajjiżna. F’dan il-każ, l-informazzjoni li hija meħtieġa għall-awtorizzazzjoni tal-prodott f’Malta tinkiseb mill-MCCAA direttament mill-Istat Membru li fih il-prodott huwa diġà awtorizzat. L-MCCAA qiegħda ssegwi b’mod attiv din il-miżura biex tiżgura li r-regoli l-ġodda ma jfixklux is-settur lokali u li Malta tista’ tibbenefika mir-riżultati pożittivi tal-leġiżlazzjoni Ewropea.
“Il-proċedura l-ġdida se tiżgura wkoll prattiċi ta’ kompetizzjoni aħjar bejn il-frott u l-ħxejjex imkabbrin lokalment u dawk imkabbrin f’pajjiżi oħrajn, peress li issa l-bdiewa Maltin se jkollhom disponibbli għalihom l-istess prodotti. B’riżultat t’hekk il-bdiewa tagħna mhux se jibqgħu żvantaġġjati ma’ bdiewa barranin u se jkunu mgħejjuna sabiex ikomplu jaħdmu u jinvestu fis-settur agrikolu. Wettaqna din il-wegħda fl-ewwel mitt jum ta’ din il-leġiżlatura,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Anton Refalo qal li dak imwettaq ikompli “jixhed kemm bħala Gvern qegħdin kontinwament ninvestu u nkunu ta’ spalla għall-bdiewa Maltin u Għawdxin f’ħidmiethom biex jipproteġu l-prodotti agrikoli tagħhom minn pesti, insetti u mard. Huwa għalhekk li fl-istess ħin qed tingħata spinta lill-produzzjoni organika, u b’hekk jiġu protetti l-ambjent, il-ħamrija, il-flora u anke l-fawna.”
Il-Ministru Refalo żied jgħid illi kieku ma twettqitx din il-ħidma, il-pożizzjoni ekonomika tal-bdiewa kienet tkun ipperikolata b’detriment għall-produzzjoni tal-ikel u għall-konsumatur, filwaqt li rrimarka li l-pestiċidi reġistrati huma mixtieqa ħafna mill-bdiewa, speċjalment fil-produzzjoni tal-frawli u t-tadam.
Helga Pizzuto, Chairperson tal-MCCAA qalet li “wara diversi diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-bdiewa u l-Kummissjoni Ewropea, illum qed inniedu proċedura ġdida li qed tindirizza d-disponibbiltà limitata ta’ prodotti mmirati għall-protezzjoni tal-pjanti. Din il-proċedura se tgħin biex jonqos l-użu ta’ bexx perikoluż u jkun hemm aktar aċċessibiltà għall-pestiċidi organiċi”.