Investiment Infrastratturali Fil-Portijiet Tas-Sajd Li Se Jiffaċilita’ Ħajjet Is-Sajjieda
Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura għaddej b’investiment infrastrutturali fil-portijiet tas-sajd sabiex jiġu installati diversi pilastri li se joffru servizz ta’ dawl u ilma, li se jiffaċilitaw ħajjet is-sajjieda u jipprovdu iktar aċċessibilità. Dan l-investiment ta’ madwar nofs miljun ewro ħabbritu s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.
Id-Dipartiment tas-Sajd kommess li jibqa’ jkun ta’ spalla għas-sajjieda Maltin u Għawdxin, u kien għalhekk li wara konsultazzjoni mas-sajjieda f’diversi lokalitajiet, sal-aħħar tas-sena se jkun hemm aċċessibilità għal 80 pillar biex jittaffa l-operat ta’ xogħolhom. Din hija parti mill-miżura tal-baġit li qed titwettaq u li tkompli tikkonferma l-impenn ta’ dan il-gvern lejn is-settur tas-sajd.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li, “Investimenti bħal dawn iħallu impatt dirett fuq l-industrija tas-sajd. Minbarra li titjieb l-infrastruttura fil-portijiet, is-sajjieda jkunu qed jingħataw l-għajnuna sabiex loġistikament ikunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom b’mod aktar kompetittiv u sostenibbli.” Hija qalet ukoll li “Meta x-xogħol jiġi simplifikat inkunu qegħdin noffru kwalità ta’ ħajja aħjar lis-sajjieda tagħna.”
Dawn il-pillars tad-dawl u ilma huma mifruxa f’diversi portijiet madwar Malta fosthom: Marsaxlokk, Marsaskala, Birżebbuġa, iż-Żurrieq, l-Għadira, San Pawl il-Baħar, San Ġiljan, l-Imsida, Marsamxett u l-Marsa. Huwa stmat li x-xogħolijiet ikunu lesti sal-aħħar tas-sena.
Is-service pillars huma importanti għall-ħidma tas-sajjied kemm qabel is-sajda, waqt li jinħatt il-ħut, kif ukoll fix-xhur meta jkun hemm bżonn li ssir manutenzjoni fuq il-bastimenti tas-sajd. Il-provvista tal-ilma taċċerta wkoll livelli ogħla ta’ sanità fl-operat u l-prodotti li finalment jaslu għand il-konsumatur Malti.
Il-pilastri jistgħu jintużaw primarjament mis-sajjieda reġistrati mad-Dipartiment li jinkludu 389 sajjied li huma rreġistrati full-time, 445 sajjied li huma rreġistrati part-time u 1,890 li huma sajjieda rikreazzjonali. Dawk li huma reġistrati jistgħu jagħmlu użu minnhom permezz ta’ ċippa elettronika li tiġi provduta mid-Dipartiment stess.