Investiment Ta’ €140,000 F’Faċilitajiet Ġodda F’Dar Padova F’Għawdex
Matul żjara fiċ-ċentru ta’ matul il-jum għal persuni bid-dimensja, Dar Padova f’Għajnsielem, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar investiment ta’ €140,000 f’faċilitajiet ġodda li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani fil-qalba tal-komunità fejn jgħixu.
L-investiment se jkun qed jara l-ftuħ ta’ kliniċi ġodda fosthom outreach clinic ġdida li se jibda joffri servizz ta’ klinika vaskulari, podoloġija, occupational therapy, psikoterapija, interventi relatati mad-dimensja u oħrajn. Se jsir ukoll l-immodernizzar ta’ faċilitajiet eżistenti bil-għan li jkomplu jissaħħu s-servizzi marbuta mal-kura tal-anzjani f’Għawdex.
Akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità Renzo Degabriele u mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Istandards għall-Kura Soċjali Lisa Cassar Shaw, il-Ministru Abela ltaqa’ u tkellem ma’ wħud mill-anzjani li jiffrekwentaw dan iċ-ċentru.
Semma’ kif Dar Padova kienet ta’ soljev għal ħafna Għawdxin tul dawn l-aħħar sitt snin, u saħaq li l-Gvern se jkompli jimpenja ruħu biex iżomm u saħansitra jtejjeb il-livell ta’ kura li tingħata.
Din id-dar mhux biss isservi ta’ ċentru ta’ matul il-jum għal persuni bid-dimensja iżda ukoll għall-anzjani li jixtiequ jużaw is-servizz ta’ xelter għal matul il-lejl. Dar Padova tgħin ukoll familji Għawdxin billi toffri servizz li jassigura kwalità ta’ ħajja aħjar fil-qalba tal-komunità.
Ritratti: MFAA