Is-Sħana Ser Tbatti
L-antiċiklun Nord-Afrikan jibqa’ b’saħħtu għal ftit jiem oħra fiċ-ċentru tal-Mediterran, qabel jikkrolla minħabba bidla radikali fil-kurrenti atmosferiċi fejn il-Pressjoni Għolja tal-Ażorre tersaq viċin l-Ingilterra u pressjoni baxxa tifforma fuq l-Italja u magħha tinżel arja friska Ewropea kontinentali.
Dettalji:
Temp sħun ħafna se jkompli sal-Ħamis 7/7, fejn imbagħad mistenni temp anqas sħun għal tmiem il-ġimgħa d-dieħla mill-Ġimgħa 8/7, li jara l-bidu tiegħu permezz ta’ riħ qawwi mill-Majjistral. It-temp se jkun xemxi u anqas imdaħħan mill-ġimgħa li għaddiet. L-indiċi tar-raġġi UV se jkunu għoljin ħafna (bejn 10 u 11).
Ir-riħ se jkun ġeneralment ħafif (sa Forza 4) bejn it-Tnejn 4/7 u l-Ħamis 7/7, l-aktar mill-Punent/Majjistru. Riħ qawwi (sa Forza 6-7) u frisk mill-Majjistral nhar il-Ġimgħa 8/7 li mistenni jnaqqas xi ftit mis-Sibt 9/7 għall-Ħadd 10/7.
It-temperaturi massimi se jkunu bejn 35 u 37°C (bejn 5° u 7°C aktar mill-medja staġjonali) fl-ewwel parti tal-ġimgħa d-dieħla bl-aktar jum sħun mistenni li jkun it-Tlieta 5/7, iżda jitbaxxew għal ~31°C (mal-medja) fi tmiem il-ġimgħa. It-temperaturi minimi wkoll se jkunu aktar mill-medja u jvarjaw bejn 23°C u 25°C.
It-temperatura tal-baħar togħla għal medja ta’ 24°C, li hi madwar 1°C aktar mill-medja staġjonali għall-bidu ta’ Lulju.