It-3 Akkademja Fl-Istorja Tal-Banda Sagra Familja

 It-3 Akkademja Fl-Istorja Tal-Banda Sagra Familja

Iċ-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja, Kalkara tinsab fil-qofol tal-programm ċelebrattiv f’għeluq il-125 sena Soċjetà fejn nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Lulju ser issir Akkademja Vokali u Strumentali mill-Banda Sagra Familja taħt id-direzzjoni tas-Surmast tagħha Mro. Twanny Borg. Din hija it-tielet Akkademja Mużikali fl-istorja tas-Soċjetà wara tnejn oħra illi saru fis-sena 1997 u fis-sena 2012 rispettivament.

Din l-akkademja ser tittella’ fil-Knisja Parrokjali ta’ San Ġużepp fil-Kalkara stess u ser tkun taħt il-Patroċinju distint tal-Eċċellenza tiegħu Dr George Vella, President ta’ Malta u s-Sinjura Vella. Ħajr imur lill-Onor. Glenn Beddingfield chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera li kienu ta’ għajnuna kbira fejn tidħol din l-istess akkademja.
Matul din l-akkademja ser jindaqqu diversi siltiet interessanti fosthom l-Antifona ‘Iosef Filii David’, L-innu l-Kbir ‘A San Giuseppe’ u l-Innu ‘La Sacra Famiglia’ kollha kompożizzjonijiet ta’ Mro. Lorenzo Gonzi, ex-President tas-Soċjetà u ex-Surmast Direttur tal-orkestra San Giuseppe li kienet imwaqqfa fi ħdan l-istess Soċjetà. Hemm ukoll diversi siltiet u arranġamenti tas-Surmast attwali Twanny Borg bl-iktar waħda mistennija hija ‘Kuruni lis-Sagra Familja’ innu kbir ġdid iddedikat lis-Sagra Familja kompożizzjoni tal-istess Surmast Direttur li nkiteb fl-okkażżjoni tal-125 sena mit-twaqqif ta’ din is-Soċjetà. Jieħdu sehem mal-Banda Sagra Familja is-Sopran Claire Caruana, it-Tenur Georg Zammit, il-Baritonu Alfred Camilleri u l-kor bis-sehem tat-tfal ta’ Romina Vella. Tippreżenta din l-akkademja il-personalità popolari Lara Azzopardi. Din l-akkademja ser tibda fis-7:30pm u dawk interessati li jattendu huma mitluba li jkunu f’posthom sas-7:15 ta’ Filgħaxija.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com