It-Tfal Jgħidu Tagħhom Dwar Il-Kultura U L-Arti
Itellgħet laqgħa ta’ diskussjoni bejn numru ta’ studenti, li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn id-disa’ snin u t-13-il sena, li matulha dawn kellhom iċ-ċans isemmgħu leħinhom u l-ħsibijiet tagħhom dwar l-affarijiet marbuta mal-kultura u l-arti. Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici kien preżenti għal din il-laqgħa.
L-għan ta’ din il-laqgħa kien li jinġabru diversi ideat u suġġerimenti filwaqt li jiżdied l-għarfien dwar ix-xewqat tal-istudenti fejn tidħol l-kultura f’pajjiżna. Fost il-punti li ssemmew f’din il-laqgħa kien hemm dwar il-bżonn li nkomplu nsaħħu t-tradizzjonijiet u l-identità Maltija, kif ukoll il-bżonn li nifhmu aħjar it-tipi u l-aspetti differenti li toffri l-kultura minnha nnifisha.
Matul din il-laqgħa, il-Ministru Bonnici saħaq dwar l-importanza li jingħata leħen u spazju lit-tfal biex jesprimu dak li jaħsbu. Huwa sostna li “Huwa importanti li aħna l-adulti nagħrfu l-ħtieġa li nagħtu l-priorjità misħoqqha lill-ħsibijiet tal-ġenerazzjoni li tiela’ u għandna ninvolvu iktar lit-tfal fil-komunitajiet tagħna.”
Il-Ministru Bonnici temm jgħid li l-ministeru se jkun qed ikompli jisma’ l-ideat tat-tfal, anke għaliex huwa kruċjali li minn età żgħira jkunu viċin il-kultura u l-arti.