Jitħabbru R-Rebbieħa Ta’ Kompetizzjoni Organizzata Mill-Kummissjoni Għall-Vjolenza Abbażi Tal-Ġeneru U L-Vjolenza Domestika

 Jitħabbru R-Rebbieħa Ta’ Kompetizzjoni Organizzata Mill-Kummissjoni Għall-Vjolenza Abbażi Tal-Ġeneru U L-Vjolenza Domestika

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg attendiet ċerimonja ta’ premjazzjoni organizzata mill-Kummissjoni għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, li ppremjat numru ta’ studenti għax-xogħol li ppreżentaw waqt kompetizzjoni li saret matul is-sittax-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika. 

Ta’ kull sena, il-Kumissjoni għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika torganizza kampanja nazzjonali ta’ għarfien sabiex toħloq kuxjenza dwar il-vjolenza domestika fid-diversi forom tagħha, b’mod partikolari fuq in-nisa. Waqt dawn il-jiem, il-Kummisjoni organizzat kompetizzjoni fl-iskejjel ta’ tpenġija u kitba għall-studenti tal-Primarja u tas-Sekondarja. It-temi li ġew magħżula kienu ‘A Beautiful Friendship’ għall-studenti tal-primarja, filwaqt li t-tema ‘We need Love to be Healthy and Happy’ intgħażlet għall-istudenti tas-sekondarja. Għaldaqstant, aktar kmieni llum ġew ippremjati r-rebbieħa li jirrapreżentaw it-temi rispettivi.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg kellha kliem ta’ tifħir għax-xogħol li ppreżentaw l-istudenti, filwaqt li rringrazzjat lill-ġenituri u l-għalliema tal-gwida u l-għajnuna li jagħtu lit-tfal biex isawru fihom valuri sodi. Fil-messaġġ tagħha hija qalet kif bħala soċjetà qatt ma nistgħu nitkellmu u noħolqu biżejjed kuxjenza dwar il-vjolenza u għalhekk huwa kruċjali li ngħallmu lit-tfal, sa miċ-ċokon tagħhom, biex qatt ma jsibu ruħhom f’sitwazzjoni abbużiva. “Kull persuna li għaddejja minn sitwazzjoni ta’ vjolenza għandna ngħinuha tkun assertiva u titkellem fuq l-esperjenza tagħha. Għalhekk huwa importanti li nkomplu nagħmlu attivitajiet li jqajmu l-kuxjenza kontra l-vjolenza biex, fl-ebda ċirkostanza ħadd ma jaħseb li din tista’ tkun aċċettabbli,” qalet is-Segretarju Parlamentari.

Il-Kummissarju għall-Vjolenza Abbazi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri qalet li wieħed mix-xogħlijiet importanti tal-kummissjoni hu li teduka lis-socjetà. Tenniet li l-ħbiberija u l-imħabba huma żewg elementi li jgħinu lill-individwu jikber u jifforma relazzjonijiet ma’ ħaddiehor fis-socjetà. “Il-ħbiberija u l-imħabba huma essenzjali għalina l-bnedmin. Irridu naħdmu għalihom, u nieħdu ħsiebhom, għax fin-nuqqas tagħhom ma nistgħux inkunu kuntenti u f’saħħitna. Għahekk importanti li nesprimu lilna nfusna, għax b’hekk nistgħu nġibu l-bidla meħtieġa, u nagħmlu d-differenza fil-ħajja tagħna, u  ta’ dawk ta’ madwarna.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com