Jitnieda Programm Ta’ Tagħlim Fuq Kura Għal Persuni Bid-Dimensja
Il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva nieda programm ta’ tagħlim għal carers ta’ persuni bid-dimensja. Dan wara ftehim bejn l-Aġenzija għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunita u l-Għaqda Dinija tas-Saħħa, il-WHO. Id-dimensja hija kundizzjoni kkawżata minn mard newrodeġenerattiv li jaffettwa l-memorja, il-ħsieb, l-imġieba u l-abbiltà li jitwettqu attivitajiet normali ta’ kuljum. Fost l-adulti anzjani, din il-kundizzjoni hija waħda mill-kawżi ewlenin tad-diżabilità u d-dipendenza, tant li jkunu jeħtieġu li tingħata kura fit-tul jew saħansitra permanenti.
Studji lokali li saru riċentament juru li bħalissa f’pajjiżna madwar 7,000 familja għandhom persuni li jgħixu magħhom bid-dimensja. L-istess studju juri wkoll li dan in-numru mistenni jkompli jiżdied fis-snin li ġejjin. Għalhekk huwa ta’ importanza kbira li jitnieda dan il-programm ta’ tagħlim biex il-qraba ta’ persuni li jħaddnu din il-kundizzjoni jiġu mgħarrfa u mgħallma aktar dwar il-kura ta’ persuni bid-dimensja. Dan anke biex b’hekk tingħata kura ta’ kwalità.
F’konferenza tal-aħbarijiet għat-tnedija tal-programm ‘iSupport għad-Dimensja’ ġie spjegat kif l-Għaqda Dinija tas-Saħħa (WHO) stabbilixxiet grupp ta’ esperti internazzjonali mill-programm Mental Health Gap Action biex b’hekk tfassal dan l-istess programm li jista’ jsir onlajn. Fil-fatt, hawn ġie stabbilit programm ta’ appoġġ imfassal biex jipprovdi edukazzjoni, taħriġ fil-ħiliet u appoġġ soċjali, lil dawk li jieħdu ħsieb persuni li jgħixu bid-dimensja.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela stqarr li l-Aġenzija għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità rat li dan il-programm jiġi adattat għas-sitwazzjoni lokali. Għaldaqstant, tim ta’ esperti lokali ħadmu fil-qrib mal-WHO biex il-kontenut tal-kors ikun effettiv fil-kuntest u l-bżonnijiet lokali. Fil-fatt, inħolqu żewġ verżjonijiet ta’ dan il-programm ta’ tagħlim, wieħed bil-Malti u ieħor bl-Ingliż. Dan il-programm huwa maqsum f’ħames taqsimijiet li jinkludu; Introduzzjoni fuq id-dimensja; Ir-Rwol ta’ carer; Kif tieħu ħsieb tiegħek innifsek; Għajnuna u Appoġġ; u Tibdil fl-Imġieba. B’kollox dan il-programm jieħu madwar seba’ siegħat biex jitlesta. Il-lezzjonijiet jikkonsistu f’diversi eżerċizzji u eżempji deskrittivi, fost oħrajn. Min ikun qed jagħmel il-kors jirċievi wkoll feedback wara kull eżerċizzju. Il-parteċipanti jridu jlestu t-taqsimiet kollha u l-eżerċizzji sabiex jinħareġ ċertifikat ta’ tlestija.
Il-Ministru Jo Etienne Abela tenna wkoll kif dan il-programm għandu l-għan mhux biss li jgħin jixpruna l-aqwa kura għal dawk li għandhom din il-kundizzjoni, iżda li wkoll jassigura kwalità ta’ ħajja tajba fil-komunità. Dawk li huma interessati għal aktar informazzjoni jew biex jibdew l-kors jistgħu jidħlu fis-sit www.activeageing.gov.mt/