”L-Ebda Super Eroj Ma Għandu Aktar Maġija Għal Uliedek Milli Għandek Inti” – Dr Nicholas Briffa
Fuq il-profil tiegħu ta’ facebook is-Sesswologu u l-Psikologu Nicholas Briffa kiteb dwar l-irwol tal-ġenituri. Huwa qal:
”Jaqsmu miegħi ħafna individwi li minn mindu saru omm/missier, skoprew li għandhom super poteri. Sabu li jistgħu jibqgħu imqajma għal tlett ijiem mingħajr ma jagħtik ħass ħażin. Sabu li jistgħu jinsew jieklu mingħajr ma jaqalek iz-zokkor fid-demm. Skoprew li jistgħu jżommu lit-tifel f’dirgħajhom, tqil daqs ċomba, filwaqt li fl-istess ħin ipoġġu fuq in-nar borma ilma biex jagħli u fl-istess waqt iqaxxru l-qoxra tal-patata.”
Dr Nicholas Briffa żied jgħid li ”Jgħiduli li minn mindu saru ġenituri skoprew l-għeja. Dik li, filgħodu, kważi tħossok qed terfa’ ankra inti u ħiereġ minn ġos-sodda. Dik l-għeja li tagħmlek irritabbli u nervuż. Dik l-għeja li ġġiegħlek tagħmel ċertu żbalji fuq il-post tax-xogħol. Jgħiduli li minn mindu saru ġenituri skoprew is-solitudni. Dak ta’ matul il-lejl u dak ta’ matul il-jum. Jgħiduli li meta saru ommijiet u missirijiet fehemu xi jfisser li jkollok tagħżel. Tagħżel anke fost l-aktar affarijiet mundani bħal ngħidu aħna taħsel xagħrek jew naħsel lit-tifel? Jew forsi aktar importanti…..nista’ nieħu din il-biċċa xogħol? X’jiġri jekk inkun qed nieħu l-ħin minn mat-tifel tiegħi?”
Huwa kompla b’aktar ”Importanti li nsemmi kemm jgħiduli li minn mindu saru ġenituri, skoprew x’inhi l-biża’ u l-ħtija. Biża’ ta’ telf. Il-biża’ u d-dubju li ma tkunx ġenitur “tajjeb”. Qisu hemm xi standard partikolari! Jgħiduli diversi individwi li minn mindu saru ġenituri, skoprew xi tfisser l-imħabba. L-essenza l-aktar prezzjuża tagħha. Jgħiduli li sabu li idejhom huma l-aktar port sigur għal uliedhom. Jgħiduli li sabu li spiss jitolbu wisq minnhom nnifishom minkejja li għal uliedhom huma kienu tajbin biżżejjed. Jgħiduli wkoll li wieħed irid jitgħallem jistaqsi għall-għajnuna. Sabu li x-xemx titla’ kull filgħodu, anke jekk il-lejl kien jinħass twil wisq u bla tmiem. Jgħiduli li rrealizzaw li jridu jħobbu iżjed lilhom innifishom u li importanti li jieħdu pawza.”
Huwa jappella biex nieħdu ħsieb lill-ġenituri u li jekk aħna ġenituri aħna stess, nkunu ġentili magħna nfusna għax l-ebda supereroj ma għandu aktar maġija għal ibnek milli għandek inti. Dr Nicholas Briffa jikkonkludi billi jsellem lill-ġenituri. ”Insellem lil dawk il-ħafna ommijiet u missirijiet hemm barra li jagħmlu kważi l-impossibli biex ilahhqu magħhom infushom, mat-tfal, mad-doveri domestiċi, u max-xogħol. Insellem lil dawk il-ġenituri, li minħabba ħafna raġunijiet fosthom aljenazzjoni parentali u tixwix, mhumiex qed iqattgħu ħin ma’ uliedhom. Sitwazzjoni tal-biża’! Insellem lis-‘single fathers’ u lis-‘single mothers’! Xogħolkom huwa imprezzabbli. Insellem lin-nanniet li jagħmlu l-ħajja tal-ġenituri eħfef u aħjar u b’paċenzja liema bħalha jgħaddu b’wirt ħafna valuri lit-tfal. Qalbi toħroġ ma’ dawk l-individwi li qed jesperjenzaw problemi ta’ infertilità. Kuraġġ! Insellem ukoll lil dawk il-ħafna patrijiet u sorijiet li bħal ġenituri u b’ħafna imħabba jkunu ‘role models ‘ għal diversi tfal. Infakkar li huwa normali li nħossu piż psikoloġiku meta jkollna t-tfal. Huwa normali wkoll li r-relazzjoni, wara li jkollna t-tfal (speċjalment l-ewwel wild), tgħaddi minn naqra mewġ relazzjonali! Thossukomx waħedkom. Jekk hemm bżonn itolbu l-għajnuna/ideat anke minn nies ta’ madwarkom. Apprezza fejn wasalt! Ilkoll qegħdin fl-istess dgħajsa!”