L-Ewwel Ftehim Kollettiv Għall-Ħaddiema Tal-Fondazzjoni Dar Il-Hena
It-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi ffirmat ftehim kollettiv, li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, mal-Fondazzjoni Dar il-Hena, liema ftehim ikopri l-perjodu 2022-2026.
Dan il-ftehim jassigura titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fosthom pakkett finanzjarju aħjar u diversi benefiċċji oħra li jolqtu direttament lill-impjegati tal-Fondazzjoni.
Il-Fondazzjoni Dar il-Hena twaqqfet wara ħidma konġunta (Public Social Partnership) bejn il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Caritas Malta u l-Fondazzjoni Alfred Mizzi, biex jingħata kenn lil dawk li jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom.
Il-ftehim f’isem il-GWU kien iffirmat minn Kendrick Bondin – Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi, Lawrence Bugeja – Assistent Segretarju tat-Taqsima u Anne Sciberras bħala r-rappreżentanta tal-ħaddiema.
F’isem il-Fondazzjoni ffirmaw iċ-Chairperson Anthony Girard u l-Manager Ian Galea. Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.
Fil-kummenti tiegħu, is-Segretarju Kendrick Bondin esprima sodisfazzjon għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim anke fid-dawl tal-ħidma li qed issir bejn diversi stakeholders li għandhom għan soċjali – dak li jilħqu nies li
m’għandhomx saqaf fuq rashom.
“Din hija entità li tilqa’ nies kemm fuq bażi short-term u anke fit-tul u għaldaqstant il-ħaddiema jagħmu dan ix-xogħol minn qalbhom biex jgħinu lil dawn l-individwi,” qal Bondin. “Mhuwiex xogħol faċli. Il-ħaddiema huma dedikati ferm fejn iqattgħu ħafna ħin ma’ dawn in-nies.”