L-Inawgurazzjoni Tal-Ikona Restawrata Ta’ Sidtna Marija Ta’ Damasku
Fit-30 ta’ Ġunju, 2022, ġiet inawgurata l-ikona restawrata ta’ Sidtna Marija ta’ Damasku li tinsab fil-knisja Griega-Kattolika fil-Belt Valletta. Il-proġett ta’ konservazzjoni u restawr, li ħa madwar tliet snin biex jitlesta, sar b’suċċess mid-ditta Atelier del Restauro (Malta). Ix-xogħol involut kien diffiċli u delikat ħafna minħabba li l-ikona għandha mal-elf sena u kellha ħafna bżonn ta’ konsolidament. Snin twal ta’ espożizzjoni għall-elementi, mingħajr ebda protezzjoni, ħallew il-marki tagħhom fuq l-ikona. Fortunatament, l-ikona restawrata issa tqiegħdet ġewwa niċċa mill-isbaħ tal-ballut imnaqqax, u hija mħarsa minn ħġieġa speċjali tal-akrilik.
Barra minn hekk, qiegħed isir il-monitoraġġ kontinwu tal-umdità u fatturi oħra li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ikona. Issa wieħed jista’ jammira u jagħti qima lill-ikona ta’ Sidtna Marija ta’ Damasku fil-ġmiel spiritwali u artistiku tagħha kollu. Jonoraw din l-inawgurazzjoni bil-preżenza tagħhom kien hemm l-E.T. Dr George Vella, President ta’ Malta, u s-Sinjura Vella, l-E.T. Mons. Charles Jude Scicluna, Arċisqof ta’ Malta, l-Onor. Dr Owen Bonnici, Ministru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, iċ-Chairman u uffiċċjali tal-APS Bank, part-sponsors tal-proġett, bosta ambaxxaturi, membri tal-komunità Griega-Kattolika, u mistednin distinti oħra.
Il-programm tal-inawgurazzjoni, li tmexxa mill-Papàs Martin Zammit, kappillan tal-parroċċa Griega-Kattolika, kien jinkludi taħdita qasira dwar l-istorja tal-ikona, mill-Mons. George Mifsud, kappillan emeritu, preżentazzjoni dwar il-konservazzjoni u r-restawr tal-ikona, mid-Dottoressa Maria Grazia Zenzani tal-Atelier del Restauro, u diskorsi qosra mill-E.T. l-Arċisqof Scicluna u mill-E.T. Dr Vella, President ta’ Malta. Il-programm kien jinkludi wkoll tliet innijiet Marjani kantati mill-kor tal-knisja Griega-Kattolika.