La Titlaqx – Kapitlu Tlettax; Kanzunetta T’Imħabba Bi Stil Mhux Tas-Soltu Minn Kapitlu Tlettax
La Titlaqx, huwa isem il-kanzunetta oriġinali li l-grupp Kapitlu Tlettax f’kollaborazzjoni ma’ Maria Ċini u Danica Muscat, nedew proprju ftit tal-ħin ilu fuq il-mezzi tal-midja soċjali tagħhom. Din il-kanzunetta, frott ħafna sigħat ta’ ħidma f’dawn l-aħħar ftit ġimgħat għandha mużika ta’ Dwardu Ravelle u lirika ta’ Joseph Mario Calleja, magħruf aktar bħala Joseph Kapitlu.
Permezz ta’ kummenti fuq il-paġna tagħhom, il-grupp tal-hip hop Malti Kapitlu Tlettax stqarr li hija waħda bi stil mhux tas-soltu. Wieħed jinduna għala, mill-ewwel ftit sekondi, għax il-ġeneru tal-mużika huwa wieħed reggaetton u għaldaqstant aktar mexxej. Fatt ieħor interessanti huwa li fiha aktar minn lingwa waħda, hekk kif il-lirika tgħaqqad il-Malti flimkien mal-Ispanjol u l-Portugiż.
“Din il-kanzunetta kienet ilha tberren ġo moħħi għaliex jiena nimpressjona ruħi malajr b’dak kollu li jkun qiegħed jiġri madwari. Dawn l-episodji f’ħajti huma sors t’ispirazzjoni għalija. Infatti, fil-kanzunetta La Titlaqx, nitkellem dwar koppja li jistħu jagħmlu l-ewwel pass, avolja jidher biċ-ċar li hemm ġibda lejn xulxin. Bi ftit imbuttaturi, spiċċaw flimkien u jinsabu kuntenti għall-aħħar. Din hija l-istorja ta’ żewġt iħbieb kbar tiegħi.”, jgħid Joseph, l-awtur ta’ din il-kanzunetta u l-wiċċ ewlieni tal-grupp Kapitlu Tlettax. Hu jżid jgħid li “xtaqt nagħmel użu mill-lingwi Spanjola u Portugiża biex indaħħal ftit mill-wirt brażiljan tiegħi. Naħseb li dan huwa l-istil l-aktar ideali.”
Ir-rilaxx ta’ La Titlaqx huwa l-ewwel wieħed għall-grupp Kapitlu Tlettax minn Ossiġnu, kollaborazzjoni ma’ Danica Muscat, li wasslet fil-finali tat-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika – Festival tal-Kanzunetta Maltija wara rispons b’saħħtu fis-serata tas-semifinali u anke d-dwett tas-silta Għal Dejjem ma’ Joe Carr fis-serata tal-klassiċi. Kien proprju dan l-avveniment li xpruna lil dawn iż-żewġ artisti jerġgħu jaħdmu flimkien.
Intant, jekk tixtiequ tisimgħu La Titlaqx u taraw il-vidjo mużikali tagħha li ġie ffilmjat matul ix-xhur ta’ Ġunju u Lulju, agħfsu hawn: https://www.facebook.com/watch/?v=5239634249455071.
Din il-kanzunetta għandha produzzjoni ta’ Cyprian Cassar minn Somnio Recording Studios, bi promozzjoni t’Ironic PR & Artist Management.