‘Lejla Rnella’ – Mużika, Artiġjanat U Ikel fil-Bajja tal-Kalkara

 ‘Lejla Rnella’ – Mużika, Artiġjanat U Ikel fil-Bajja tal-Kalkara

Nhar is-Sibt 6 ta’ Awwissu, l-unika bajja fil-Port il-Kbir ser tieħu l-ħajja b’mod differenti. ”Lejla Rnella” hija lejla ta’ divertiment organiżżata mill-Kunsill Lokali.

”Nixtiequ li f’din iż-żona popolarissima fis-sajf nibdew ntellgħu festival ta’ divertiment għal kulħadd. Din hija l-ewwel edizzjoni u qed inħarrsu ‘l quddiem biex Lejla Rnella tidħol fil-kalendarju kulturali u mużikali tas-sajf Malti” – saħaq Wayne Aquilina is-Sindku tal-Kalkara

Il-Bajja ta’ Rnella fil-Kalkara hija frekwentata minn bosta, speċjalment min-nies fin-naħa tal-Kottonera u l-madwar. Fis-6 ta’ Awwissu fuq palk prinċipali ser ikunu qed jieħdu sehem Bernie&Pod li jibdew il-kunċert tagħhom fit-8:30pm segwiti mill-grupp popolari Kantera għad-9:30pm.

Tul is-serata ser ikun hemm ukoll parata minn grupp ta’ perkussjonijisti, Trakadum. Dawn ser ikunu qed iduru maż-żona tal-bajja mis-7:30pm ‘l quddiem.

Ikel, xorb u anke artiġjanat. Infatti dan l-avveniment qed jitella’ bil-kollaborazzjoni tal-esebituri fi ħdan il-Malta Crafts Foundation. ”Lejla Rnella’ hija appoġġjata mill-Fondazzjoni Kottonera u The Shoreline.

Il-Kunsill Lokali tal-Kalkara qed jagħmel sejħa miftuħa għal min jixtieq jarma ‘stand’ jew jieħu sehem f’din l-ewwel edizzjoni ta’ ”Lejla Rnella’ biex jagħmel kuntatt mal-kunsill lokali fuq: 21665500 jew b’email: [email protected]

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com