”Nemmen F’Malta U Fil-Potenzjal Tagħha” – Robert Abela
“Qatt ma waqaft ngħid li l-futur huwa sabiħ u qatt mhu se nieqaf ngħid dan għax nemmen f’Malta u fil-potenzjal tagħha.” – il-Prim Ministru Robert Abela
Kien ċar wara sentejn ta’ pandemija li l-pajjiż ried jimxi t-triq lejn sitwazzjoni fejn ingawdu l-frott tal-investiment li għamilna fis-saħħa tan-nies, b’mod partikolari l-programm b’saħħtu ta’ vaċċinazzjoni, u t-tfal, iż-żgħażagħ u l-familji tagħna jkomplu b’ħajjithom. U hekk qed nagħmlu. Fuq kollox, nimxu ‘l quddiem fuq diversi fronti.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela waqt intervista fuq ONE Radio fejn saħaq l-importanza tal-aspett ekonomiku u li pajjiżna baqa jinvesti biex żammejna l-kapaċita produttiva b’saħħitha.
“Illum is-sidien tan-negozju jiġu jkellmuni għax iridu aktar ħaddiema. Tmur tiftaħ lukandi u stabbilimenti ġodda u jgħidulek erġajna mimlijin u aġenziji tal-ivvjaġġar qed ikollhom talbiet sostanzjani ta’ bookings. Dawn huma lkoll sinjali pożittivi.” Hawnhekk, il-Prim Ministru nnota wkoll kif li kieku l-Gvern ma għenx permezz tal-wage supplement u bi skemi bħad-diferiment tat-taxxi u s-self garantit, kieku llum l-irkupru kien se jkun ħafna iżjed diffiċli.
“Naturalment, id-deċiżjoni u l-kisba li għamilna biex tneħħejna mil-lista l-griża tal-FATF kompliet tagħti iktar serħan il-moħħ lil dawn l-entitajiet dwar kemm il-gvern Malti hu mpenjat għal-ogħla standards u għalhekk komplew isaħħu t-twemmin f’pajjiżna li kienu diġa’ qed jarawh bħala wieħed attraenti u sod.”
Il-Prim Ministru spjega wkoll kif dan kollu mbagħad wassal għal dak li bassret il-Kummissjoni Ewropea fl-aħħar jiem fejn kompliet tirrevedi ‘l fuq it-tbassir ekonomiku ta’ pajjiżna tant li ninsabu fuq quddiem nett mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
”L-aktar Gvern fl-Ewropa li qed nagħtu għajnuna diretta lin-nies” – Il-PM
“Primarjament, iżda mhux biss, intervjenejna biex nassiguraw il-prezzijiet stabbli tal-enerġija. Dawl u fuel. Dan wara li fil-pandemija konna diġa’ naqqasna l-prezzijiet tal-fuel. U llum żammejna l-Maltin u l-Għawdxin protetti minn dawn iż-żidiet u għandek żewġ aspetti: L-ewwel li nafu li f’dan il-mument il-pensjonanti u l-familji jrid ikollhom l-appoġġ tagħna. It-tieni li anke n-negozji f’dan il-mument ta’ rkupru rridu naraw li ma ngħabbuhomx b’piżijiet li jxekklu l-istess irkupru.” Dan qalu l-Prim Ministru fid-dawl li jekk pajjiżna jibqa’ jkollu prijoritajiet ċari u tajbin, nistgħu nibqgħu nsaħħu l-oqsma l-iktar importanti.
“Meta tħares lejn il-prezzijiet tibda tara differenzi kbar li hemm. Aħna ilna 111 -il ġimgħa bil-prezz tal-fuel stabbli. F’Malta b’€20 tieħu 15-il litru petrol, fil-Greċja jew Spanja kważi lanqas tieħu nofshom. L-Italja tieħu ħames litri inqas. Qed nitkellmu fuq affarijiet li jaffetwaw il-but direttament. Fuq dan iffokat il-gvern li mmexxi jien bħalissa. Fid-dawl u l-ilma l-istess. Qabbel Lulju ta’ din is-sena ma’ Lulju tas-sena l-oħra u ssib ċittadini ta’ pajjiżi li qed iħallsu €700 u €800 iktar fis-sena. Wara li kienu diġa’ qalgħu daqqa fis-sena ta’ qabel.” Robert Abela qal ukoll kif minkejja li għaddiet l-elezzjoni, l-għajnuna baqgħet għax il-prinċipju ta’ dan il-Gvern hu li jsostni lin-nies is-sena kollha u mhux għax tkun ġejja l-elezzjoni.
“Meta tkun fis-siġġu tad-deċiżjonijiet għandek is-sabiħ li dak li qed tagħmel iħalli impatt dirett pożittiv fil-ħajja tan-nies.U allura filwaqt li dawn is-sett ta’ drittijiet ġodda ta’ żieda fil-leave tal-paternita’, leave tal-ġenituri u l-introduzzjoni tal-leave tal-carers jirrifletti wkoll direttiva Ewropea, kien jinvolvi ammont ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali. Fuq kollox hija direttiva li bħala Gvern Malti appoġjajna sa mill-bidu nett fil-livelli kollha. Għax nemmnu fiha.” Il-Prim Ministru semma wkoll l-ironija l-kbira tal-Oppożizzjoni. Oppożizzjoni li twiegħed kollox lil kulħadd iżda mill-Gvern mhux tagħti imma tieħu.
“Hekk kienet għamlet bil-kontijiet tal-enerġija. Imma mhux biss. Jekk qed nitkellmu fuq leave kienet ħadet bil-leave tal-ħaddiema u kien dan il-gvern li tah lura mill-2017 ‘il quddiem, sena wara sena sakemm tajnih lura kollu u emendajna l-liġi biex issiġilajnih hemm. Iktar ħin mal-familja. Dak li tajna. Mela tajna lura leave li seraq gvern nazzjonalista, u llum qed nagħtu sensiela ta’ drittijiet ġodda. Għax ix-xogħol importanti.” Fl-aħħarnett, il-Prim Ministru appella biex in-nies igawdu s-Sajf u jħallu l-Gvern jinkwieta fuq kif se jibqa’ jmexxi pajjiżna ‘l quddiem.
“Kellna pandemija, għaddejna kampanja elettorali, gawdu s-sajf u ħallu l-gvern jinkwieta kif se nibqgħu mmexxu l-pajjiż ‘il quddiem. Iva mbagħad nħares ‘il quddiem għal meta nerġgħu niltaqgħu flimkien f’attivitajiet fejn inwasslu l-messaġġ tal-Partit Laburista, għax iservu wkoll biex inwasslu x-xogħol kollu li qed noħolqu, iżda iktar importanti minn hekk biex nisimgħu ideat u proposti ġodda. Għax fl-aħħar mill-aħħar il-ħidma politika tagħna kienet, għada u se tibqa’ bbażata fuq dak li jeħtieġu n-nies.”