Raġel Arrestat B’Rabta Ma’ Omiċidju Fil-Marsa
Ilbieraħ, għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm argument bejn żewġ persuni fi Triq Patri Feliċjan Bilocca, il-Marsa.
Il-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit marru mill-ewwel fuq il-post fejn ġie nnutat li kien hemm raġel mixħut fl-art, mitluf minn sensih u bi ġrieħi kkawżati minn strument li jaqta’ u bilponta.
Il-vittma, li għadu ma ġiex identifikat, ingħata l-għajnuna minn tim mediku fuq il-post, fejn instab li kellu erba’ daqqiet ta’ arma f’sidru u dahru. Wara ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, iżda sfortunatment ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Ħidma immedjata mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit wasslet sabiex ir-raġel l-ieħor involut fl-argument, Sudaniż ta’ 28 sena jiġi arrestat ftit tal-mumenti biss wara fi triq viċin, fejn fil-pussess tiegħu instabet ukoll sikkina, li allegatament intużat fid-delitt. L-allegat aggressur qed jinżamm fil-lockup fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana għal aktar stħarriġ.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Caroline Farrugia Frendo li ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett tal-Ħamrun dwar dan l-omiċidju għadhom għaddejjin.