Spettaklu Tan-Nar, fid-daħla tal-Kalkara s-Sibt 16 ta’ Lulju
Lejliet il-festa ta’ San Ġużepp fil-Kalkara, is-Sibt 16 ta’ Lulju, hemm preparat spettaklu ta’ nar tal-ajru fid-daħla tal-Kalkara. L-ispettaklu kkummisjonat mill-Grupp tan-nar fi ħdan l-Għaqda Mużikali San Ġużepp ser jibda wara l-10pm.
Għalkemm fix-xatt tal-Kalkara għaddej xogħol infrastrutturali għar-riġenerazzjoni taż-żona, il-Kunsill Lokali flimkien mal-GHRC ħasbu li parti mill-moll li jdawwar id-daħla tal-Kalkara tkun lesta sabiex titgawda f’dawn il-jiem tal-festa. L-ispettaklu tan-nar bit-titlu ”Symphony of Flames” ser ikun akkumpanjat bil-mużika, b’ħarqa minn żewġ naħat, inkluż permezz ta’ barkun f’nofs il-baħar.
L-ispettaklu jakkumpanja l-marċ bl-istatwa ta’ Malta Rebbieħa, li hekk kif titella’ fuq il-kolonna f’nofs Misraħ l-Arċisqof Gonzi fix-xatt stess, dan l-ispettaklu jintemm b’ħarqa nar minn fuq il-bjut tal-istess Misraħ.