Titnieda D-Disa’ Edizzjoni Tal-Gozo Ceramics Festival Fix-Xlendi

 Titnieda D-Disa’ Edizzjoni Tal-Gozo Ceramics Festival Fix-Xlendi

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda d-9 edizzjoni tal-Gozo Ceramics Festival filwaqt li inawgura l-esibizzjoni bl-isem ‘Ceramic Art Collective’ li fiha 15-il artist qed jesibixxu l-arti taċ-ċeramika tagħhom.

 Din l-esibizzjoni qed turi l-versatilità tat-tafal bħala mezz ta’ espressjoni artisitika minn uħud mill-artisti lokali rinomati flimkien ma’ talent ġdid fix-xena tal-arti taċ-ċeramika kontemporanja, u se tibqa’ miftuħa sas-26 ta’ Awwissu.

 Il-parteċipanti f’din l-esibizzjoni, flimkien ma’ artisti u artiġjani oħra tat-tafal, skulturi u nies tas-sengħa li jużaw it-tafal bħala l-mezz artistiku tagħhom, ilkoll se jesibixxu x-xogħlijiet tagħhom fil-pubbliku waqt il-Gozo Ceramics Festival li se jittella’ fis-7 ta’ Awwissu bejn il-5.00pm u l-10:30pm fit-triq prinċipali tal-bajja tax-Xlendi.

 Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li, “Ix-Xlendi sar sinonimu mal-festival taċ-ċeramika, l-uniku wieħed li jsir fil-Gżejjer Maltin. Fil-fatt, il-Gozo Ceramics Festival sar parti mill-kalendarju kulturali ta’ Għawdex u jattira lejh numru kbir ta’ Maltin, Għawdxin u turisti.” Huwa kompla jgħid li dawk li jżuru dan il-festival ikunu jistgħu jsegwu l-proċessi differenti użati, jaraw il-kumplessità tal-produzzjoni taċ-ċeramika, u japprezzaw il-ħafna stadji differenti li jrid jgħaddi minnhom xogħol taċ-ċeramika sakemm jiġu ppreżentati x-xogħlijiet tal-arti lesti.

 Erba’ artisti taċ-ċeramika barranin se jingħaqdu mal-artisti lokali sabiex b’hekk dan il-festival jingħata dimensjoni internazzjonali. L-artisti jinsabu entużjasti ħafna u huwa ta’ pjaċir għalihom li jispjegaw u jwieġbu kwalunkwe mistoqsijiet mill-pubbliku.

 It-tfal se jingħataw l-opportunità li jpinġu fuq iċ-ċeramika, jaħdmu t-tafal u jieħdu sehem f’attivitajiet oħra sabiex filwaqt li jkunu kreattivi, jitgħallmu aktar dwar iċ-ċeramika.

 Il-Ministru Clint Camilleri spjega li se jkun hemm ukoll sezzjoni fejn it-tfal jagħmlu maduma taċ-ċeramika għal mural intitolat ‘Natura’ u jiġu ggwidati biex jagħmlu l-impressjonijiet tagħhom biex jipproduċu maduma li tifforma mural li se jkun installat b’mod permanenti f’post prominenti fix-Xlendi.

Waqt dan il-Festival, il-bajja tax-Xlendi se tkun imżejna għall-okkażjoni b’torch lights, bnadar u dwal u se jkun hemm ukoll divertiment mużikali minn Michel Refalo u Tal-Fuklar Folk group.

 

Ritratti: MGOZ

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com