Titnieda T-Tieni Strateġija ‘Smart Specialisation’
Tnediet strateġija marbuta mar-riċerka u mal-innovazzjoni li se tibni fuq l-ewwel waħda ppubblikata għas-snin 2014-2020. Din ser tkun implimentata f’sitt oqsma permezz ta’ sinerġija bejn il-gvern, l-akkademja, il-kummerċ u s-soċjetà ċivili. ‘Malta’s Smart Specialisation Strategy’ tinkludi kumitat tematiku f’kull qasam biex isaħħu l-implimentazzjoni tagħha.
Dawn il-kumitati jirrappurtaw lill-ministeru filwaqt li l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija joffri l-appoġġ tekniku lil kull kumitat tematiku.
Is-sitt kumitati tematiċi huma marbuta mas-saħħa, mal-użu sostenibbli tar-riżorsi għal mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima, mal-manifattura intelliġenti, ma-teknoloġija marittima, mal-avjazzjoni u mal-aerospace u t-teknoloġiji diġitali futuri. Dawn l-oqsma huma lkoll fundamentali għat-tkabbir ekonomiku u għandhom il-potenzjal li jikbru u jissaħħu permezz tal-innovazzjoni.
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-kumitati se jkunu jistgħu jiġu diskussi fl-ogħla livelli politiċi u b’hekk il-viżjoni ta’ governanza tkompli tissaħħaħ billi fil-prattika jkun hemm ukoll l-involviment dirett tar-riċerka.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti sostna li permezz ta’ din l-istrateġija, il-viżjoni għal Malta ta’ għada hija ċara. “Irridu nazzjon aktar sigur, b’saħħtu u li jirnexxi, mibni fuq prinċipji ta’ governanza tajba u żvilupp sostenibbli li lest jagħti sehmu lejn ekonomija ekoloġika u diġitali kif ukoll isaħħaħ il-benesseri tal-ġenerazzjonijiet kemm ta’ issa kif ukoll tal-futur.” Qal ukoll li “Din l-istrateġija għandha rwol importanti fl-implimentazzjoni ta’ din il-viżjoni u bħala gvern ninsabu determinati li nwettqu dan”.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando qal, “Ninsabu kuntenti u kburin bl-isforzi kollettivi li wassluna għal din it-tnedija u aħna bħala Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija qegħdin hemm biex nagħtu s-sehem kollu tagħna billi nappoġġaw lill-ministeru sabiex niżguraw l-implimentazzjoni tal-istrateġija b’suċċess”.
L-identifikazzjoni tal-oqsma tematiċi baqgħet għan ewlieni tul il-proċess tal-iżvilupp tal-istrateġija u saret b’attenzjoni speċjali fl-oqsma fejn Malta għandha potenzjal akbar għall-innovazzjoni. L-oqsma tematiċi magħżula fl-istrateġija l-ġdida huma għalhekk riżultat ta’ analiżi dettaljata u ta’ ħidma mill-partijiet kollha konċernati.