Wirja Fotografika Mill-Għaqda Ġurnalisti Sports Ta’ Malta 2022 Fil-Parlament Ta’ Malta
It-Tnejn, 25 ta’ Lulju 2022, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, inawgura Wirja Fotografika mill-Għaqda Ġurnalisti Sports ta’ Malta fil-Parlament ta’ Malta. F’diskors tal-okkażjoni, l-iSpeaker għamel referenza għall-għan aħħari tal-Moviment Olimpiku Internazzjonali li jiġbor lill-bnedmin flimkien fis-sliem u l-paċi permezz ta’ attivitajiet sportivi.
“L-istorja tal-Moviment Olimpiku turina kemm l-istess logħob Olimpiku, għalkemm fl-oriġini tiegħu kellu ħsieb tajjeb u ġenwin, li jagħqad lill-bnedmin kollha bħala familja waħda, il-kilba tal-poter politiku mibni fuq twemmin dubjuż ta’ nazzjonaliżmu sfrenat li jifred, jiddiskrimina, u joħloq inġustizzji fost il-bnedmin, wassal biex inniġġes l-attivita’ sportiva” tenna l-Ispeaker Anġlu Farrugia.
L-Ispeaker qal li l-ġurnalisti sportivi Maltin, għandhom id-dover u d-dmir li jirrapurtaw dwar kull ħaġa li tista’ tħammeġ kull attivita’ sportiva. Fl-istess waqt, l-Għaqda Ġurnalisti Sports ta’ Malta teħtieġ li tippromowvi u tħeġġeġ aktar l-attivita’ sportiva fost il-poplu Malti u Għawdxi filwaqt li esiġa li l-aspett edukattiv fl-isports għandu jwassal biex ilkoll napprezzaw valuri għonja umani u jkollna soċjeta’ mibnija fuq ir-rispett tad-dinjita’ tal-persuna umana.
Il-pubbliku hu mistieden li jżur din il-Wirja Fotografika mill-Għaqda Ġurnalisti Sports ta’ Malta fl-intrata tal-bini tal-Parlament ta’ Malta fil-Belt Valletta, mit-Tlieta, 26 ta’ Lulju sal-Ġimgħa, 12 ta’ Awwissu 2022, matul il-ġranet tal-ġimgħa (mit-Tnejn sas-Sibt) bejn id-09.00 ta’ filgħodu sas-07.00 ta’ filgħaxija, u fil-Ħdud u Festi Pubbliċi bejn id-09.00 ta’ filgħodu u n-nofsiegħa (12.30 h).