25 Sena Ta’ Wirjiet Ta’ Nar Sinkronizzat Mal-Mużika Fil-Festa Tal-Imqabba
Wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija, u hekk kif dan is-sajf qed jirritornaw iċ‑ċelebrazzjonijiet tal-festi, fl-Imqabba qed jitħejja spettaklu uniku ta’ logħob tan-nar li fil‑qalba tiegħu se jkun hemm it-Torri tad-Dawl, nhar il-Ħadd 14 ta’ Awwissu, lejlet Santa Marija.
Il-festa ta’ Santa Marija fl-Imqabba hi magħrufa għal-logħob tan-nar innovattiv, fejn 25 sena ilu kien sar l-ewwel spettaklu sinkronizzat mal-mużika, anniversarju li wkoll se jkun imfakkar kif jixraq din is-sena. L-ispettaklu ta’ din is-sena jinkludi l-ewwel parti ta’ logħob tan-nar sinkronizzat ma’ siltiet ta’ mużika rock klassika, pop u klassika popolari fejn se jispikkaw diversi effetti uniċi minn mat-Torri tad-Dawl, li huwa struttura għolja 54 metru. It-tieni parti se tinkludi murtali tradizzjonali Maltin tal-beraq u kulur.
L-ispettaklu tan-nar tal-ajru jagħlaq b’wirja oħra spettakolari ta’ nar sinkronizzat mal-mużika li tinkludi wkoll diversi effetti u disinji uniċi kif ukoll murtali tal-kulur innovattivi b’effetti li se jkunu qed jidhru għall-ewwel darba. Se jkun hemm ukoll blalen u ftuħ kbar. Is-serata tkompli b’wirja ta’ nar tal-art mekkanizzat li se ssir fl-istess triq, Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija.
L-ispettaklu jibda fl-9:45pm mill‑għelieqi maġenb Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija (il-By-pass tal-Imqabba). Se jkun hemm siġġijiet li wieħed jista’ jibbukkja online fuq: https://tickets.evently.com.mt/event/mqabba-fireworks/
L-Għaqda tan-Nar Santa Marija tal-Imqabba hi r-rebbieħa ta’ diversi unuri li jirrikonoxxu l‑innovazzjoni u l-kwalità tagħha fil-logħob tan-nar, fosthom l-ewwel kompetizzjoni Maltija tal‑logħob tan-nar fl-2006, il-Kampjonat Dinji tal-Logħob tan-Nar ‘Caput Lucis’ f’Ruma fl‑2007 u l-Festival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar tal-Art fl-2010.
Biex wieħed jasal l-Imqabba hemm diversi modi u apparti mill-mod normali mill-mina tal‑ajruport, wieħed jista’ wkoll jasal l-Imqabba mill-inħawi ta’ Ħal Qormi, il-Marsa u l-Ingieret permezz tat-triq ta’ Ħal Farruġ, kif ukoll mill‑inħawi tas-Siġġiewi u Ta’ Kandja.
Aktar informazzjoni fuq www.facebook.com/santamarija jew www.facebook.com/stmaryfireworksmqabba