3 Uffiċjali Ta’ TM Mixlijin B’tixħim Fit-testijiet Tas-Sewqan; Jissemma’ Ministru; Il-PN Jirreaġixxi

 3 Uffiċjali Ta’ TM Mixlijin B’tixħim Fit-testijiet Tas-Sewqan; Jissemma’ Ministru; Il-PN Jirreaġixxi

Tliet uffiċjali ta’ Transport Malta ġew akkużati quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello b’tixħim fit-testijiet tas-sewqan. Wieħed mill-akkużati huwa direttur waqt li ż-żewġ akkużati l-oħra huma uffiċjali. It-tlieta li huma wieġbu mhux ħatja.

Fl-awla ħareġ li d-direttur qal lill-Pulizija waqt l-interrogazzjoni li ħassu taħt pressjoni biex jgħaddi ċertu ħaddiema Għarab għax kienu qed jaħdmu ġo villa ta’ ministru. Dan l-istess direttur allega wkoll li rċieva telefonati minn ċertu ministeri. Huwa allegat li fil-mobile tiegħu nstabu messaġġi li jindikaw persuni li kellhom jgħaddu mit-test tas-sewqan. Il-Pulizija fittxew fl-uffiċċju ta’ Transport Malta u sabu żewġ djarji b’ismijiet ta’ nies u dati ta’ testijiet tas-sewqan. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ bdew wara li hija rċeviet email fl-2020.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Wayne Borg mgħejjun mill-Avukati Abigail Caruana Vella u Gary Cauchi mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri qed jidhru għad-Direttur, l-Avukat Joseph Giglio u Roberta Bonello Felice għal wieħed mill-uffiċjala u l-Avukat Herman Mula għal uffiċjal l-ieħor

Il-PN jgħid li l-ministru li ssemma’ għandu jirriżenja

Fi stqarrija b’reazzjoni għal dan il-każ, il-Partit Nazzjonalista permezz tal-kelliem għat-Trasport Adrian Delia qal li l-ministru li qed issir referenza għalih għandu jerfa’ responsabilità politika u jirriżenja sakemm inaddaf ismu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com