800 Manuskritt Li Jmorru Lura Għall-1786 Jingħataw Lill-Arkivji Nazzjonali
Madwar 800 manuskritt, li jmorru lura għall-1786 sal-aħħar tas-seklu 19 u li jkopru x-xogħlijiet ta’ 16-il perit, ingħataw lill-Arkivji Nazzjonali. Il-Perit André Zammit kien skopra din il-kollezzjoni f’dar antika tal-familja f’Ħal Lija fis-sena 1990.
André Zammit twieled fl-1930 f’Għawdex u miet fl-14 ta’ Mejju 2020.
Matul konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-Arkivji Nazzjonali fir-Rabat li fiha ġew formalment irregalati dawn il-manuskritti, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici saħaq li; “Għotja bħal din hi ta’ importanza kbira għaliex permezz ta’ din l-għotja se nkomplu nżommu l-istorja bħala parti integrali minn ħajjet pajjiżna u se nkomplu ntuha l-importanza mistħoqqa”.
Huwa rringrazzja lis-Sinjura Victoria Zammit, armla tal-Perit André Zammit, għad-donazzjoni tagħha tal-kollezzjoni u rringrazzja wkoll lill-ħaddiema tal-Arkivji Nazzjonali tax-xogħol u dedikazzjoni kbira illi għandhom lejn l-istorja ħajja ta’ Malta.
Dawn il-manuskritti jkopru l-karrieri kollha tal-periti Michele Cachia (1760 -1839), Francesco (1755 – 1820) u Giovanni Sammut (1784 – 1841), u Giuseppe (1812 – 1859) u Francesco Zammit (1844 – 1917) kif ukoll xogħlijiet ta’ Saverio (1740 – 1799), Pietro (1774 – 1803), Salvatore (1777 – 1830), Giuseppe (1741 – 1841) u Gaetano Xerri (1783 – 1853), Pasquale (1738 – 1817) u Vincenzo Sammut (1782) 1850), Paolo (1792 – data mhix magħrufa) u Alfred Zammit (1892 – 1970). Il-kollezzjoni tinkludi abbozzi u noti ta’ djar jew għelieqi għall-kalkolu u valutazzjoni jew diviżorju mitluba mis-sidien, werrieta jew il-Qrati, noti tal-kors ta’ Agrimensore u kotba skolastiċi.
Din il-ġabra tirrifletti wkoll il-kuntest politiku usa’, bħal pereżempju l-għabex tal-qagħda tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta u r-revoluzzjoni kontra l-Franċiżi fl-1798, fejn Michele Cachia kellu rwol ewlieni u stabbilit fl-amministrazzjoni Ingliża.
L-Arkivista Nazzjonali Dr Charles Farrugia saħaq li b’donazzjonijiet bħal dawk tal-familja Zammit, l-istat se jkun jista’ joffri materjali li jixħtu dawl fuq ċertu tip ta’ arkitettura u l-ħidma ta’ diversi periti Maltin.
“Iddeċidejna li nlaqqgħu din d-donazzjoni ma’ ċerimonja fejn qed ninawguraw l-aħħar minn serje ta’ tliet wirjiet mill-European Digital Treasures. It-tema tal-wirja li hi t-teknoloġija tidħol sew mal-għotja ta’ manuskritti mill-familja Zammit,” qal Dr Farrugia.
Din il-wirja qed tittella’ bħala parti mill-proġett European Digital Treasures, proġett ko-finanzjat mill-programm Creative Europe tal-Unjoni Ewropea. Il-proġett jiġbor fih consortium ta’ ħames arkivji nazzjonali (Malta, Spanja, Portugall, Ungerija, Norveġja), ICARUS (International Centre for Archival Research, Awstrija) u l-Munster University of Techonology (Irlanda).