Ftehim Bejn L-Anzjanità Attiva U L-Kunsill Lokali Ta’ Ħal Kirkop

 Ftehim Bejn L-Anzjanità Attiva U L-Kunsill Lokali Ta’ Ħal Kirkop
L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità ġeddet ftehim mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop sabiex ikomplu jikkollaboraw flimkien biex jiġi offrut is-servizz ta’ Ċentru għall-Anzjanità Attiva f’Ħal Kirkop. Dan iċ-ċentru jipprovdi bosta attivitajiet biex l-anzjani li jattendu, jieħdu gost u jitgħallmu flimkien. Fost dawn l-attivitajiet ikun hemm line dancing, tombla, ħruġ, eżerċizzju fiżiku, taħditiet edukattivi u proġetti varji.

Qabel ġie ffirmat dan il-ftehim, intqal li dan huwa xhieda tal-interess taż-żewġ partijiet fis-settur tal-anzjanità attiva u l-impenn tagħhom biex jipprovdu opportunitajiet għal anzjanità attiva lill-anzjani residenti f’Ħal Kirkop u fil-lokalitajiet tal-madwar. Il-kontenut ta’ dan il-ftehim jidentifika r-responsabbiltajiet taż-żewġ partijiet. Fil-fatt il-kunsill lokali qed jipprovdi s-sala fil-binja tal-kunsill lokali stess li qed tintuża biex jiġu pprovduti is-servizzi ta’ dan iċ-ċentru. Min-naħa l-oħra, l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità hija responsabbli għas-servizz li jingħata u għall-attivitajiet kollha organizzati fiċ-ċentru. L-entità hija responsabbli wkoll għall-impjegati li jaħdmu fi ħdan dan iċ-ċentru. 

Intant ġie spjegat ukoll li permezz ta’ dan il-ftehim se jibda jiġi pprovdut trasport għal dawk l-anzjani b’nuqqas ta’ mobbiltà u li jixtiequ jattendu dan iċ-ċentru, biex b’hekk huma wkoll ikunu jistgħu jgawdu minn dan is-servizz. L-ispiża għat-trasport se tinqasam bejn il-kunsill lokali u l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela li ppresieda dan il-ftehim qal, “Inħoss li huwa fi dmirna, kemm personali u anke bħala Ministeru għall-Anzjanità Attiva, li ntejbu l-ħajja tal-anzjani tagħna b’kull mod possibbli,  u dan il-ftehim tal-lum bejn l-AACC u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop jgħin b’mod ċar.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità Renzo Degabriele sostna l-impenn tal-entità favur l-anzjanità attiva mifruxa f’diversi komunitajiet madwar Malta u Għawdex. Huwa saħaq dwar l-importanza ta’ kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet u ma’ kunsilli lokali u ħeġġeġ kunsilli lokali oħra sabiex jersqu ’l quddiem ħalli flimkien isiru aktar proġetti favur l-anzjani. Is-Sindku ta’ Ħal Kirkop Terrence Agius qal li l-kunsill lokali japprezza dan l-appoġġ favur l-anzjani. Spjega li l-kunsill lokali qatt ma waqaf iħares il-ġid tal-anzjani f’Ħal Kirkop u hekk beħsiebu jkompli jagħmel.

Dawk interessati li jattendu dan iċ-ċentru għandhom jimlew formola online li tista’ tiġi aċċessata mill-website activeageing.gov.mt jew iżuru ċ-Ċentru Servizz Anzjan li jinsab fl-indirizz 3, Triq Zekka, il-Belt. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 22788900.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com