Ġabra Ta’ Pitturi Ta’ Madwar Il-Port Il-Kbir

 Ġabra Ta’ Pitturi Ta’ Madwar Il-Port Il-Kbir

Il-Port il-Kbir huwa testimonjanza tal-eżistenza tagħna, bħala gżira, fejn ilu jintuża minn żminijiet preistoriċi.

Toqgħod fejn toqgħod, matul il-kosta tħoss is-saħħa ta’ dan il-post, tapprezza l-ħsus ta’ stejjer li ma ntqalu qatt. L-istejjer li kienet tirrakkontalha nannitha, li ġraw waqt it-Tieni Gwerra Dinjija u t-tant mistenni Konvoj ta’ Santa Marija, huma l-iktar memorji primarji tal-Port il-Kbir għal Sarah Calleja. Dan il-port joħloq ħsus ta’ maġija, identità, u li jġiegħlek tapprezza l-faxxinu preżenti u joħloq kurżità fuq il-passat tiegħu.

L-artista, permezz ta’ xogħlha riedet titrasmetti dawn il-ħsus, b’mod mill-aktar sempliċi, billi taqbad l-atmosfera u dawk is-sensazzjonijiet intanġibbli li baqgħet iġġorr dejjem magħha u twassalhom għand min qiegħed japprezza xogħlha. Calleja ddeċidiet li tagħmel użu minn għażla żgħira ta’ kuluri; fejn illimitat ruħha sa ħames kuluri u f’uħud anke inqas. Penġiet biss dak li ħasset li huwa importanti, eliminat ħafna dettalji permezz ta’ kif użat massa ta’ kulur bħala dawl, ħafna drabi b’użu tajjeb tal-karta l-bajda.

F’dan il-vjaġġ tal-watercolours, l-artista għamlet użu mill-ilma fix-xogħlijiet tagħha, sabiex ma tillimitax il-kuluri. Tagħt ċans biex iż-żebgħa u l-ilma jissinkronizzaw flimkien u permezz ta’ bosta provi, Sarah Calleja waslet tagħraf x’pigments tuża biex ikollha l-konsistenza li trid; u x’pigments oħra tuża biex toħloq effetti interessanti permezz tal-ilma, u kif dawn jirriżultaw meta jiġu mqiegħda fejn xulxin. Il-mekkaniżmu tal-kimika tal-pigments tagħt ċans biex ċertu kuluri jivvjaġġaw iktar malajr fl-ilma, kultant ikissru kulur lura fil-kuluri li permezz tagħhom ġie maħluq.

Din il-ġabra ta’ xogħlijiet ta’ Calleja saru kemm barra għall-arja u anke ġewwa fl-istudjo. F’kull biċċa xogħol jinħassu ħsus ta’ kull post li Sarah penġiet; dak li ħasset hi qiegħed jiġi trasmess lill-ispettatur permezz ta’ kull biċċa xogħol tal-arti.

HARBOURED ta’ Sarah Calleja għaddejja bħalissa ġewwa Il-Kamra ta’ Fuq u għandha sal-15 t’Awwissu.

Għal iktar informazzjoni, segwi il-paġni ta’ Facebook: Il-Kamra ta’ Fuq u Art Sweven.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com