Għall-PN, L-Investiment Fl-Università Ta’ Malta Jibqa’ Imperattiv
Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-kelliem għall-Edukazzjoni Justin Schembri, jikkundanna l-mod kif il-Gvern qed jagħżel li jnaqqas l-allokazzjoni finanzjarja lill-Università ta’ Malta, filwaqt li jfakkar li l-finanzi utilizzati fl-Edukazzjoni huma investiment għall-futur u mhux kapriċċ għall-propoganda.
Min-naħa l-oħra, il-Gvern ta’ Robert Abela u l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana mhux veru jemmen fl-Edukazzjoni, tant li qed jixxaħħaħ mal-Università ta’ pajjiżna.
Fil-verità, il-kliem sabiħ tal-Gvern, bħal meta uża “Malta li rridu għal uliedna” bħala t-tema għall-Budget ta’ din is-sena, mhu xejn ħlief propoganda qarrieqa u fqira li ma tagħmilx ġustizzja mal-futur ta’ wliedna, li qed jistudjaw jew se jibdew jistudjaw fl-Università ta’ Malta. Dan hekk kif il-Gvern qed jikkonferma tnaqqas fil-baġit allokat lill-Università ta’ Malta b’mill-anqas €1.1 miljun għas-sena akkademika li tmiss.
Dan it-tnaqqis drastiku fil-baġit tal-Università ta’ Malta ikkonfermah ir-Rettur, il-Professur Alfred J. Vella, f’komunikazzjoni li bagħat illum lid-Dekani tal-Fakultajiet biex jinformahom bid-deċiżjoni tal-Gvern, li se tkun qed timpatta fin-negattiv it-tmexxija Universitarja.
Fil-kommunikazzjoni tiegħu, ir-Rettur spjega li 85% tal-baġit allokat lill-Università jmur għas-salarji u 10% oħra għal servizzi essenzjali. Għaldaqstant, bid-deċiżjoni tal-Gvern, jidher li l-Università mhux se jkollha biżżejjed fondi biex tamminstra u timmanuvra il-ħtiġijiet akkademiċi tagħha bil-kwalità mistennija.
Ir-Rettur esprima t-tħassib tiegħu wkoll għall-fatt li l-allokazzjoni finanzjarja tkompli titnaqqas għas-sena akkademika ta’ wara (2023-2024), hekk kif minħabba l-inflazzjoni u ż-żidiet fis-salarji u s-servizzi, dan it-tnaqqis jista’ saħansitra jkun bejn it-€3 miljuni u l-€5 miljuni. Barra minhekk, l-Università qed tistenna wkoll tnaqqis fil-Fond għar-Riċerka, li jista’ jillimita lill-Università milli tkompli bi programmi ta’ riċerka ppjanati għas-sena akkademika li ġejja, fi żmien meta r-Riċerka għandha dejjem tingħata aktar spazju u investiment.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jinnota kif l-Università ta’ Malta, li diġà qed topera b’allokazzjonijiet finanzjarji ristretti, mhux talli mhix qed tkun mgħejjuna u mħeġġa tespandi fl-operat tagħha anke b’tisħiħ fl-oqsma tar-Riċerka, imma talli qed jitnaqqsulha l-fondi b’detriment għall-operat professjonali tagħha.
Dan qed jimpedi lill-Università ta’ Malta milli tiffoka fuq proġetti ġodda li permezz tagħhom tkompli tissaħħaħ u tagħti servizz lill-istudenti Maltin u barranin. Minflok, iżda, il-Gvern jagħżel li jġib lill-Università ta’ Malta tallaba għall-fondi. U dan hu l-istess Gvern li nefaq nofs miljun ewro f’reklamar għall-Budget 2022 f’Ottubru li għadda u l-istess Gvern li wiegħed b’tant ftaħir qabel l-elezzjoni ta’ Marzu li l-Edukazzjoni se tkun il-prijorità tiegħu.