”Għandhom Jiġu Ntrodotti Regoli Biex L-Imġarrin Jerfgħu L-Vara” – Imġarrija
Is-Somma li tingħata b’donazzjoni lill-Knisja tal-Imġarr sabiex tintrefa’ l-Vara ta’ Santa Marija, ta’ kull sena tqajjem kontroversja. Tradizzjoni li tmur lura 100 sena, iżda bosta jistaqsu jekk għadiex relevanti llum l-ġurnata.
Filwaqt li hemm min jgħid li bi flusu kulħadd jagħmel li jrid u wara kollox dawn il-flus imorru b’donazzjoni għall-Knisja, saħansitra anke meta fil-pandemija ma ħarġitx il-vara mat-toroq, xorta ingħatat donazzjoni, oħrajn huma tal-fehma li b’din is-sistema l-Imġarrin, speċjalment dawk li huma attivi fil-volontarjat is-sena kollha, mhux qed ikollhom l-istess ċans biex xi darba jerfgħu l-Vara ta’ Santa Marija.
Min hu favur is-sistema preżenti jirrabja meta s-somma tiġi msejħa rkant. Jgħidu li dan mhux irkant għax wara kollox l-offertur ma jiħux il-vara miegħu d-dar. Mill-banda l-oħra min hu kontra din is-sistema jgħidu li l-flus qed jikkundizzjonaw min jerfa’, allura hemm bżonn jiġu ntrodotti regoli biex l-Imġarrin tassew ikollhom l-opportunita’ li jerfgħu fil-vara ta’ Santa Marija.
Fil-preżent, il-grupp li jagħti l-għola offerta f’jum il-festa f’nofsinhar, jerfa’ d-dawra kollha tal-purċissjoni, filwaqt li fi Triq San Pawl dan il-grupp iċedi l-lasti u tingħata opportunita’ li ħaddieħor. Iżda hemm min qed jipproponi li jiddaħħlu regoli ġodda li jinkludu li l-istess grupp ma jistax jerfa’ għal aktar minn sentejn wara xulxin u li żewġ lasti jridu jibqgħu vojta mill-grupp li jirbaħ permezz tal-offerta u jingħataw għal nies li jarmaw u li jiddedikaw ħafna ħin għal festa.