“Id-Direttivi Mill-MUMN Se Jolqtu Residenti U Pazjenti Li Ma Jixirqilhomx Jintużaw B’Dan Il-Mod” – Ministeru Għall-Anzjanità Attiva

 “Id-Direttivi Mill-MUMN Se Jolqtu Residenti U Pazjenti Li Ma Jixirqilhomx Jintużaw B’Dan Il-Mod” – Ministeru Għall-Anzjanità Attiva

Il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva irrefera għat-tħabbira ta’ numru ta’ azzjonijiet mill-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) fid-djar tal-anzjani permezz ta’ stqarrija.

Intqal li filwaqt li l-Ministeru japprezza u jirrispetta l-isforzi tal-MUMN li tkompli ttejjeb il-kundizzjonijiet u l-interessi tal-membri tagħha, dan m’għandux inaqqas mill-obbligu tal-Ministeru li jissalvagwardja l-kura professjonali tal-pazjenti u r-residenti fdati f’idejh, f’kull aspett u rigward.

L-istqarrija tgħid li l-Ministeru huwa wkoll obbligat ifittex l-interess tal-qraba ta’ dawn il-persuni filwaqt li japprezza u jinkoraġixxi l-eluf ta’ impjegati tiegħu li jagħmlu xogħolhom korrettament u b’dinjità. Dawn huma l-prinċipji li jiggwidaw u li ħa jkomplu jidderieġu l-operat tal-Ministeru.

“Huwa ta’ tħassib li dawn id-direttivi skattaw propjament dritt wara t-tħabbir tal-konklużjonijiet ta’ inkjesta indipendenti mmexxija minn eks membru tal-ġudikatura. Il-Ministeru ħatar inkjesta interna indipendenti biex filwaqt li jieħu bl-ikbar serjetà dan il-każ, tkun entità indipendenti u rispettata li tistħarreġ il-każ.

Id-direttivi ħa jolqtu pazjenti/residenti anzjani li ma jixirqilhomx li jintużaw b’dan il-mod”, kompliet tgħid l-istqarrija mill-Ministeru għall-Anzjanità Attiva.

Temmet tgħid li l-Ministeru ser ikompli jaġixxi b’mod denju, korrett u demokratiku b’rispett lejn il-pazjenti u l-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema li jwettqu xogħolhom b’imħabba u b’dedikazzjoni, fosthom l-istess membri tal-MUMN.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com